“Id-dinjità fil-kura hija essenzjali u għandha tibqa’ tingħata sal-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ bniedem, għax kull persuna għandha dritt tmut b’dinjità.” Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li indirizza seminar organizzat mill-Malta Hospice Movement.
Il-Ministru Fearne qal li d-dinjità li għandu jkollu pazjent qed tkun aktar enfasizzata bit-tnedija tal-Patient Charter aktar kmieni din il-ġimgħa.
“Sitwazzjonijiet marbutin mat-tmiem tal-ħajja jistgħu joħolqu mistoqsijiet kemm etiċi kif ukoll legali,” qal il-Ministru Fearne. Għal dan il-għan il-Ministru ħabbar li talab lill-Kumitat Konsultattiv tal-Bioetika biex jidħlu f’din il-kwistjoni u jiddiskuti fid-dettall.
“Fuq kollox nixtieq nirringrazzja lil Hospice Movement, kif ukoll lill-istaff tal-isptar Sir Anthony Mamo, li b’tant dedikazzjoni jagħtu kura palljattiva lill-pazjenti Maltin,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.