Il-Correctional Officers’ Union, affiljata mal-General Workers’ Union talbet għal aktar sensittività u anqas sensazzjonaliżmu meta l-mezzi tal-midja jirrappurtaw każi marbuta mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kawża ta’ dan it-tip ta’ rappurtaġġ qed jintefa’ dellikrah fuq l-uffiċjali u l-operat tagħhom.
Sostnew li wieħed irid japprezza li l-uffiċjali korrettivi qed jaqdu dmirhom f’sitwazzjonijiet sensittivi, f’ambjent xejn faċli u b’ħafna limitazzjonijiet. Rapporti sensazzjonalistiċi qed iwasslu biex l-ambjent tax-xogħol ikun aktar diffiċli u tiżdied id-doża ta’ ostilità fil-konfront tagħhom mill-istess priġunieri u qraba tagħhom.
Ostilità li f’ċerti okkażjonijiet qed twassal biex uffiċjali tal-ħabs ikunu fiżikamentaggrediti mill-istess priġunieri.
Minkejja d-diffikultajiet, li huma kawża ta’ għadd ta’ nuqqasijiet ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-uffiċjali tal-ħabs qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħtu s-servizz mistenni minnhom. Għaldaqstant il-Correctional Officers’ Union ħeġġet lill-awtoritajiet kompetenti biex jintervjenu mill-ewwel ħalli jiddefendu l-integrità tal-uffiċjali tal-ħabs meta fil-midja jinħarġu qlajjiet u allegazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda bażi fattwali.