M’hemmx dubju li kważi l-Maltin u l-Għawdxin kollha qegħdin isegwu bir-reqqa d-direttivi li qegħdin jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa. Sfortunatament imma, hemm dawk il-ftit, anke jekk forsi nistgħu ngħidu ftit li xejn, li qegħdin jiġu jaqgħu u jqumu mill-istess direttivi.
Jien wieħed minn dawk li nirrabbja ħafna meta nisma’ fl-aħbarijiet li kien hawn numru ta’ persuni li weħlu multa ta’ €100 għax kienu f’miġemgħa ta’ aktar minn tlieta min-nies. Nirrabja aktar meta nisma’ jew naqra li kien hemm xi persuna, imqar waħda, li suppost qiegħda kwarantina mandatorja, imma ma nstabitx id-dar.
Dan il-ftit jew huma nies irresponsabbli għall-aħħar, jew maqtugħin mid-dinja u ma jafux x’inhu għaddej, jew inkella mhumiex jirrealizzaw il-konswegwenzi koroh li l-aġir taħhhom jista’ jħalli mhux biss fuq ħaddieħor, imma fuq qraba tagħhom, u fuqhom infushom.
Lil dawn nissuġġerilhom isegwu l-aħbarijiet fuq stazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-BBC u s-CNN, kif wara kollox qegħdin jagħmlu ħafna minna. Jekk jagħmlu dan, isiru konxji tal-problemi kbar li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom ċittadini ta’ pajjiżi oħra. Propju f’dawn l-aħħar sigħat, is-CNN kien qiegħed juri filmat ‘esklussiv’ ta’ sptar fl-istat ta’ New York, ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika. F’dan l-isptar litteralment m’hemmx fejn toqgħod sodda. Kull rokna, inkluża kull rokna fil-kuruturi, hija okkupata b’sodod b’persuni infettati bil-Coronavirus. Litteralment l-isptar ma jesax pazjent ieħor. Imma mhijiex biss kwistjoni ta’ nuqqas ta’ spazju. Hija wkoll kwistjoni ta’ nuqqas ta’ apparat mediku. Hemm nuqqas ta’ faċilitajiet biex isiru t-testijiet meħtieġa (swabs), kif ukoll nuqqas ta’ ventilators.
Dan kollu jista’ jwassal għal dak li l-Prim Ministru tagħna, Robert Abela,meta qal li x-xewqa ewlenija tiegħu hija li ma naslux f’sitwazzjoni fejn, minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet, l-Awtoritajiet tas-Saħħa jkollhom jagħżlu lil min se jagħtu l-kura. Iva, hekk qiegħed jiġri f’pajjiżi oħrajn. L-Awtoritajiet tas-Saħħa jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ikollhom jiddeċiedu jekk ventilator għandux ikun provdut jew lil pazjent jew lil ieħor. Ehhe, sewwa qegħdin tifhmu. Ikollhom jiddeċiedu dwar lil min se jagħtu l-aħjar opportunità li jsalva.
Grazzi għall-Awtoritajiet tas-Saħħa f’pajjiżna, jidher li m’għandniex għalfejn naslu f’din is-sitwazzjoni. Ħasbu minn qabel biex ma niġux f’din is-sitwazzjoni. Imma, (u din hija IMMA KBIRA), dan kollu jista’ jisfuma fix-xejn, propju minħabba l-irresponsabbiltà tal-ftit. Lil dawn il-ftit, ngħidilhom l-għażla li semmejt, jiġifieri l-għażla lil min se tingħata l-aħjar opportunità li jsalva, tista’ tkun bejn ġenitur tiegħek jew xi ħaddieħor. Tista’ tkun bejn martek, żewġek jew xi ħaddieħor. Tista’ tkun bejn xi ħadd minn ħutek, jew xi ħaddieħor. Tista’ tkun bejnek jew xi ħaddieħor.
Jidher li, grazzi għall-għaqal u l-kapaċità tal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’pajjiżna, m’għandniex għalfejn naslu għal din is-sitwazzjoni. L-appell tiegħi lil dawk li qegħdin jabbużaw. Tkunux intom li ġġibu fix-xejn dak li ilhom iħejju l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Tkunux intom li tpoġġu fil-periklu ħajjet ħaddieħor, anke dawk qrib tagħkom. Kulma tridu tagħmlu huwa li tkunu responsabbli, issegwu d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni b’saħħitna bl-inqas danni possibbli.