F’diskors li għamel f’Kungress internazzjonali, li sar fl-okkażjoni tat-tmenin anniversarju mit-twaqqif tal-General Workers’ Union, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern favur il-ħaddiema tul is-snin.
Hu beda billi nnota kif il-General Workers’ Union u l-istorja soċjali ta’ pajjiżna huma intrinsikament magħqudin flimkien.
Robert Abela ddeskriva l-unjin bħala moviment soċjali li biddel il-qagħda tal-ħaddiema għall-aħjar u r-rikonoxximent mis-soċjetà lejn il-ħaddiema.
Qal, “Il-General Workers’ Union irrappreżentat u ħadmet għall-klassi tal-ħaddiema kollha daqskemm irrappreżentat u ħadmet għall-membri tagħha. Għalhekk, bħala Prim Ministru, li mmexxi bi kburija l-Partit tal-Ħaddiema, inħossni onorat li qiegħed fostkom hawnhekk.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-prinċipji bażiċi li jibqgħu dejjem validi fl-istorja tal-ħaddiema – bħal saqaf fuq ras kulħadd, għajxien diċenti, tnaqqis fil-faqar, żieda fl-opportunitajiet u ġid li jasal għand kulħadd.
Dan kollu, fi kliem il-Prim Ministru, jirrifletti l-ħajja ta’ kull ħaddiem li tmur lil hinn mill-età tal-pensjoni, għax kull ħaddiem għandu jkollu dinjità li tixraq matul il-ħajja kollha.
Qal, “Kull bniedem li jitwieled, għandu dritt li jgawdi ħajja diċenti u f’saħħtu. Daqstant ieħor għandu jkollu aċċess għal kemm jista’ jkun opportunitajiet biex itejjeb il-qagħda tiegħu u ta’ familtu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li tul is-snin, il-qagħda nbidlet għall-aħjar mhux b’kumbinazzjoni, iżda għax il-pajjiż kellu forzi progressivi b’saħħithom imexxuh.
Dr Abela fakkar fi żminijiet iebsin għall-ħaddiema, fosthom il-pandemija u l-ħidma li wettaq il-Gvern biex jipproteġi lill-istess ħaddiema u l-għajxien tagħhom.
Qal, “Nemmnu f’pajjiżna u nemmnu li dan hu poplu li rridu li l-ħin kollu jkun motivat u inċentivat biex jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Fuq kollox, il-Prim Ministru nnota li l-General Workers’ Union tibqa’ sieħeb importanti fid-djalogu soċjali li jagħti futur sabiħ lil uliedna f’oqsma li kulħadd imiss magħhom fil-ħajja, bħall-ambjent, l-ugwaljanza, ix-xogħol u l-mistrieħ.
Sadanittant, qabel l-indirizz tiegħu, fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Oliver Röpke.
F’din il-laqgħa ġie diskuss id-djalogu soċjali u l-involviment taż-żgħażagħ fih.
Indirizza l-Kungress ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, li elenka l-ħidma tal-unjin tul dawn l-aħħar tmien diċenji u wiegħed li l-unjin se tkompli tkun xempju ta’ tama u progress għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.