Fi stqarrija tħabbar li l-Awtorità għat-Trasport, bi qbil mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ħadet azzjoni fuq kuntrattur li kien qiegħed jagħmel xogħlijiet fix-xatt ta’ bejn Ta’ Xbiex u l-Imsida.
Intqal li l-kuntrattur naqas milli jimxi ma’ prattiċi professjonali, naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji biex ix-xogħol tiegħu ma jtellifx lill-vetturi u ħoloq periklu għas-sewwieqa.
L-Awtorità irrevokat il-permess u il-kuntrattur issa twaqqaf milli jkompli x-xogħol, fejn se jiġu applikati wkoll multi.
B’mod immedjat, Infrastructure Malta se tieħu l-lant tax-xogħol biex tispiċċa x-xogħol b’kuntrattur differenti mingħajr ma jinbidlu l-iskadenzi li kien hemm.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg f’kummenti ma’ ONE News tenna li jidher biċ-ċar li l-awtorità qed tieħu l-infurzar bis-serjetà.
Borg irrikonoxxa wkoll li l-kuntratturi għandhom responsabbiltà li jesegwixxu xogħolhom filwaqt li jqisu u jirrispettaw il-ġid tan-nies, li huwa kruċjali għall-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.
Intqal li skont dak imħabbar riċentament, Transport Malta se jkunu qed jimmonitorjaw mill-qrib il-miżuri ta’ sigurtà u mhux se jittollerraw l-ebda kuntrattur li jikkawża dewmien jew jagħmel xogħol ta’ kwalità baxxa.
Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia, f’kitba fuq il-midja soċjali sostna li min se jabbuża u ma jimxix ma’ prattiċi professjonali mhux se jsib konfort f’dan il-Gvern.