Il-Qorti Kostituzzjonali dawwret deċiżjoni meħuda mill-Imħallef Francesco Depasquale, li kien issospenda sentenza ta’ ħabs lill-kuntrattur, Paul Demicoli, li kien instab responsabbli għat-tiġrif ta’ blokka appartamenti f’San Pawl il-Baħar.
Fil-fatt il-Qorti Kostituzzjonali tefgħet lura l-ħabs lill-kuntrattur.
Dan l-inċident fil-kostruzzjoni kien seħħ dsatax -il sena ilu u kien ħalla żewġ persuni mejta, Maria Dolores Zarb and Nadezda Vavilova.
F’Ottubru li għadda, Demicoli beda jiskonta sentenza ta’ sentejn ħabs effettivi wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza tal-ewwel Qorti li lura fl-2009 kienet sabitu ħati li bi traskuraġni u nuqqas ta’ ħila kkaġuna l-mewt ta’ żewġ persuni f’sit biswit li kien qiegħed isir xogħol ta’ kostruzzjoni.
Il-Qorti tal-Appell filwaqt li kkonfermat il-ħtija, naqset il-piena ta’ ħabs minn tliet snin għal sentejn habs, wara li qieset li regolamenti tal-2004 dwar il-post tax-xogħol ma kinux applikabbli għalih għax ma kinux daħlu fis-seħħ skont il-liġi u wara li ħadet kont ukoll id-dewmien fil-proċeduri.
Wara li kienet ikkonfermata s-sentenza ta’ ħabs, Demicoli fetaħ proċeduri Kostituzzjonali quddiem il-Prim Awla Ċivili, Sede Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat għax qal li l-proċeduri kontrih ma ġewx deċiżi fi żmien raġonevoli u dan bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Huwa talab li sakemm tkun deċiża l-kawża kellu jinħeles mill-ħabs.
Fi Frar ta’ din is-sena l-Imħallef Francesco Depasquale ordna l-ħelsien mill-arrest bħala miżura temporanja sakemm tinqata’ s-sentenza Kostituzzjonali.
Immedjatement l-Avukat Ġenerali ressaq appell minn din id-deċiżjoni bla preċedent meħuda mill-Qorti.
Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, tat raġun l-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali u tenniet kif ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-ewwel Qorti.
It-tliet Imħallfin sostnew kif il-miżura interim kellha tingħata biss eċċezzjonalment u l-Qorti ma kellix iġġib fix-xejn proviżorjament sentenza ġudikata sempliċiment għax persuna tiftaħ kawża. Il-Qorti kompliet tgħid li kien ikun aktar għaqli kieku l-ewwel Qorti talbet li tinstema’ l-kawża kostituzzjonali b’urġenza u mhux tissosspendi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ ħabs.
Il-Qorti Kostituzzjonali qablet mal-Avukat Ġenerali li l-ewwel Qorti kienet żbaljata meta laqgħet it-talba għax l-attur lanqas irnexxielu juri li hemm każ prima facie u li qatt ma kellha toħroġ ordni proviżorja ta’ dan it-tip.
Għaldaqstant il-Qorti laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali, ċaħdet it-talbiet ta’ Paul Demicoli, u bagħtet lill-kuntrattur lura l-ħabs jiskonta s-sentenza ta’ ħabs.