Kuntrattur ta’ 62 sena minn San Ġwann ġie mmultat €2,250 u kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati ta’ ksur tar-regolamenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li wassal biex iweġġà ħaddiem.
L-inċident kien seħħ f’April tal-2018 f’B’Kara meta ħaddiem ta’ nazzjonalità barranija impjegat mal-kumpanija tal-kostruzzjoni weġġa’ fuq il-post tax-xogħol waqt li kien qed jaħdem f’sit li kien qed jinbena. Huwa kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular.
Il-kuntrattur instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tiegħu kif ukoll ta’ kull min seta’ jiġi affettwat bix-xogħol li kien qed isir. Instab ħati wkoll li naqas li jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa sabiex ma jsirx xi dannu fiżiku, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol.
F’kull post tax-xogħol, min iħaddem huwa obbligat bil-liġi li jara li ssir evalwazzjoni tar-riskju b’mod regolari għax-xogħol kollu li jkun qed isir għalih. Dan għandu jsir sabiex ikunu identifikati l-perikli u r-riskji kollha li jikkonċernaw l-aspetti kollha tax-xogħol u jittieħdu miżuri adegwati. Din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà kemm tal-ħaddiema, ta’ min jaħdem għal rasu kif ukoll dawk li jżuru l-post tax-xogħol partikolari. F’dan il-każ partikolari, din levalwazzjoni ma saritx u ta’ dan l-imputat instab ħati wkoll.
Il-kuntrattur naqas ukoll li jieħu miżuri ta’ protezzjoni sabiex jkunu evitati waqgħat mill-għoli. Fil-fatt, huwa naqas li jassigura li jkun hemm l-qugħ solidu li jkun għoli biżżejjed u li jkollu t l-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju.
L-imputat instab ħati li naqas li jassigura li x-xogħol fil-għoli jsir biss b’apparat speċjali jew bl-użu
ta’ apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħalma huma bennieni, il-pjattaformi jew ix-xbieki tas-sigurtà. F’każ li minħabba n-natura tax-xogħol dan l-apparat ma jkunx jista’ jintuża, allura għandu jiġi żgurat li jiġu pprovduti u użati arnessi tas-sigurtà jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurtà flimkien ma’ mezzi adatti ta’ aċċess.
Nuqqas ieħor li nstab ħati tiegħu kien li ma assigurax li poġġamani ta’ protezzjoni jitpoġġew madwar trombi u turġien.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet bl-assistenza kollha tiġi mogħtija mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).
L-OHSA ilha u tibqa’ tisħaq dwar il-bżonn u l-obbligu li xogħol li jsir fl-għoli għandu jsir b’irpar protettiv u adegwat, fi kwalunkwe sitwazzjoni, jiġifieri kemm fuq in-naħa ta’ barra kif ukoll fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-binja. Hemm għadd ta’ persuni li għandhom obbligi legali li jassiguraw li jkunu qed jimxu mal-liġi u jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u ta’ terzi persuni li jistgħu jiġu affettwati mix-xogħol li jkun qed isir.
Fil-fatt, is-sid tal-proġett (dak li jissejjaħ il-klijent, li għalih ikun qed isir ix-xogħol), is-supervisors appuntati mill-klijent, min iħaddem, diretturi, maniġers u supervisors oħra kollha għandhom responsabbiltà li jwettqu miżuri ta’ kontroll ta’ saħħa u sigurtà.