Id-Dipartiment tal-Gvernijiet Lokali u l-Awditur Ġenerali qed jinvestigaw diversi kuntratti suspettużi li ġew approvati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar is-sena l-oħra. Fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis spjega kif mingħajr l-konsultazzjoni mad-Dipartiment l-istess Kunsill waqt laqgħa li nżammet fis-17 ta’ Mejju 2017 approva li jagħti ordnijiet diretti fuq kuntratti skaduti lil diversi kuntratturi.
Dan ħareġ wara mistoqsija parlamentari tal-Whip Laburista Byron Camilleri. Il-mistoqsija tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra tliet xhur ilu madankollu ma setgħetx titwieġeb minħabba tkaxkir tas-saqajn mill-istess Kunsill li sa ftit ġimgħat ilu kien immexxi minn Graziella Galea.
Is-sena l-oħra, Galea nstabet ħatja li kisret ir-regoli finanzjarji tal-Kunsill għal aktar minn okkażjoni waħda. Dakinhar, rapport tal-Bord ta’ Governanza Lokali sab li l-Kunsill Lokali, immexxi minn bint Ċensu Galea, kiser il-liġijiet marbuta mat-tħaddim tal-finanzjament tal-Kunsilli Lokali f’minn tal-inqas sitt okkażjonijiet differenti.
F’dan id-dawl diversi kunsilliera tal-istess kunsill inkluż tnejn li telgħu f’isem il-Partit Nazzjonalista ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku.
Kien għalekk li ftit ġimgħat ilu Galea kienet kostretta tirreżenja mill-pożizzjoni tagħha. Minkejja l-għemil abbużiv ta’ Galea, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia baqa’ jiddefendiha sal-aħħar bil-għan li l-Partit tiegħu jipprova jibqa’ ggranfat mal-poter fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.