Id-direzzjoni mogħtija l-ġimgħa li għaddiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li kuntratti definiti għandhom jinbidlu f’kuntratti indefiniti issa ġiet estiża wkoll għall-entitajiet pubbliċi.
Direttiva maħruġa llum mis-Segretarju Permanenti Ewlieni testendi dak li sar fis-Servizz Pubbliku għas-Settur Pubbliku kollu bl-istess parametri mxandra l-ġimgħa li għaddiet għas-Servizz Pubbliku.
Dan ifisser ukoll li nbidlet sistema sħiħa ta’ reklutaġġ fis-Settur Pubbliku biex hekk dawk li jfittxu karriera fis-Settur Pubbliku ma jiġux żvantaġġati, b’benefiċċju kemm għall-impjegat innifsu u kemm għas-servizz li jrid jingħata.
L-għan tad-direttiva huwa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-Settur Pubbliku meta mqabbla ma’ dawk f’oqsma oħra.
Is-sitwazzjoni qabel din il-bidla fis-Settur Pubbliku kollu kemm hu kienet li ċerti pożizzjonijiet kienu jinħarġu fuq bażi ta’ kuntratt definit, ġeneralment ta’ tliet snin, u dawk li jintgħażlu biex jokkupawhom ma setgħux jiġu impjegati b’mod indefinit qabel ir-raba’ sena tal-impjieg.
Dan kien joħloq diskriminazzjoni għax kien ifisser li l-ħaddiema f’dawn il-pożizzjonijiet kellhom perjodu ta’ probation ħafna itwal minn ħaddiema f’oqsma oħra li għandhom probation statutorja li ma taqbiżx 12-il xahar.
Permezz tad-direttiva maħruġa llum, minn issa ’l quddiem pożizzjonijiet f’entitajiet tas-Settur Pubbliku li jinħarġu permezz ta’ Jobsplus jew b’avviż pubbliku, kif ukoll pożizzjonijiet interni, li ma jkunux f’livell ta’ senior managementu fejn m’hemmx raġuni oġġettiva, se jkunu okkupati fuq bażi indefinita.
Se jkun biss il-perjodu ta’ probation marbut mal-pożizzjoni partikolari li jiddetermina jekk l-impjegat jiġix ikkonfermat fil-pożizzjoni. Pożizzjonijiet li jġorru raġuni oġġettiva se jibqgħu jkunu okkupati fuq bażi definita.
Ċirkolari maħruġa mad-direttiva llum ukoll tesiġi li fi żmien għaxart ijiem mil-lum, l-entitajiet fis-Settur Pubbliku għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu konformi ma’ dak li tistipula l-istess direttiva.