F’filmati li tpoġġew fuq sit ta’ propoganda tat-Taliban jidher kelliem għall-grupp jirringrazzja lill-militanti tax-xogħol li għamlu filwaqt li ferħilhom talli kisbu l-indipendenza.
Fl-indirizz tiegħu lejn il-militanti, il-Kelliem qal li x-xewqa tat-Taliban hija li l-pajjiż ma jerġax isib ruħu maħkum filwaqt li sostna li huwa jrid il-paċi fl-Afganistan.
Huwa ħeġġiġhom biex ikunu ġentili mal-poplu Afgan, hekk kif skontu, il-poplu għadda minn ħafna soferenzi u għalhekk jistħoqqlu li jkun ittrattat b’imħabba u simpatija.
Temm jgħid li l-grupp ma imponiex il-forza tiegħu fuq il-poplu Afgan, madanakollu l-atmosfera f’dik li xi darba kienet belt kulturali mimlija ħajja tgħid l-oppost.
Fi pjazza li sa ftit tal-ġimgħa ilu kont tara prosperità ta’ ġenerazzjoni żagħżugħa, issa hemm biss eku tal-passat li lanqas biss tara mara b’nemes u arja tqila ta’ biża’.
Intant ftit tal-ħin wara l-aħħar tluq mill-ajruport ta’ Kabul, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken, saħaq illi t-Talibani għandhom juru rispett lejn id-drittijiet tan-nisa.