Għal kuntrarju tal-istorja li dehret fil-gazzetta Illum, il-Ministeru għal Għawdex jiddikjara li l-aċċess għaċ-Ċittadella se jibqa’ b’xejn biex din il-ġawhra fil-gżira Għawdxija li ġiet restawrata u rijabilitata f’din il-leġislatura titgawda mill-pubbliku kollu.
Il-gazzetta ddeċidiet li ċ-Ċittadella se ssir bi ħlas mingħajr ma ħadet l-ebda kummenti mill-Gvern.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-verità hija li kien dan il-Gvern li wettaq xogħlijiet estensivi u intensivi biex jagħti dehra ġdida, isbaħ u aħjar lil Għawdex. Amministrazzjoni preċedenti għamlet snin sħaħ titkellem biss dwar dan il-proġett imma naqset milli ċċaqlaq ġebla waħda.
Kellu jkun dan il-Ministeru għal Għawdex li ħadem fuq il-proġett bis-serjetà u lestieh b’suċċess. Għalhekk żgur mhux se jkun dan il-Ministeru għal Għawdex li jintroduċi ħlasijiet li jpoġġu restrizzjoni fuq l-aċċess għaċ-Ċittadella.
Bis-sehem taċ-Ċittadella Management Committee, dan is-sit se jibqa’ jiġi mħares bi programm kostanti ta’ manutenzjoni u jitmexxa ‘l quddiem bħala post miftuħ għal attivitajiet kulturali u artistiċi, kif ukoll għar-rikonoxximenti internazzjonali u l-valur tiegħu bħala partimonju ta’ wirt dinji.
Għalhekk, il-Ministeru għal Għawdex jerġa’ jiċħad għal kollox l-istorja ppublikata fil-gazzetta Illum u jagħmilha ċara li l-politika tal-Gvern hija ċara favur aċċess għaċ-Ċittadella li jibqa’ b’xejn.