Ryan Paul Tonna, kuntistabbli tal-pulizija li għandu ħamsa u tletin sena llum tilef ħajtu traġikament fi tmiem il-maratona ta’ Pisa.
Rapporti fil-midja Taljana rrapportaw li Tonna li huwa missier ta’ tifel ta’ ħames snin kien għadu kif temm il-maratona meta waqaf biex jiekol.
Ingħad li l-każ seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin tal-Ħadd f’ħanut tal-ikel fi Piazza dell’Arcivescovado. Fuq il-post marru immedjatament tim mediku mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.
Skont l-ewwel investigazzjonijiet tal-pulizija Taljana, jidher li fi tmiem il-maratona, Ryan li kien raġel ibigħ is-saħħa, mar jiekol flimkien ma’ sħabu.
Kien hawn li Ryan fega fl-ikel. Minkejja li dawk li kienu miegħu pprovaw jagħtuh l-għajnuna u ħarġu jiġru barra biex ifittxu l-għajnuna ta’ tim mediku li kienu fil-qrib tal-pjazza fejn seħħet id-diżgrazzja, sfortunament falla kull tentattiv li sar biex isalvalu ħajtu.
Il-mewta traġika tiegħu ġabet reazzjoni minn bosta għaqdiet tal-pulizija li esprimew id-dieqa tagħhom għall-mewt ta’ seħibhom li sejħulu bħala bniedem determinat.