Waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Palazzo Ferreria In a Historico-Legal Context’, fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musù, ħareġ il-kuntest storiku ta’ din il-ġawhra fil-kapitali Maltija.
Il-ktieb ifakkar il-150 sena minn meta dan il-Palazz maestuż inbena kif nafuh illum, hekk kif sal-1874, serva bħala funderija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan il-kapolavur letterarju qed jikkommemora wkoll il-50 sena minn meta d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali beda jopera minn Palazzo Ferreria fl-1972.
“Palazzo Ferreria għadda minn diċenji sħaħ ta’ storja f’pajjiżna b’avvenimenti diversi u b’affarijiet li seħħew f’din il-binja maestuża fid-daħla tal-Belt u allura ħassejna li għandna nagħmlu dan il-ktieb biex inħallu legat lil ta’ warajna dwar l-istorja sabiħa mmens ta’ dan il-palazz.”
Mark Musu – Segretarju Permanenti
Bejn l-1947 u l-1971 il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, kien jaħdem minn din il-binja fejn inħmew diversi proġetti infrastrutturali f’pajjiżna, fosthom il-bini tal-Qorti ta’ Malta, il-bini tal-Università u Triq Reġjonali fost oħrajn.
Palazzo Ferreria llum jospita fih il-Ministeru għall-Politika Socjali u d-Drittijiet tat-Tfal u fi ħdanu nsibu wkoll id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, fejn fih issawru fost l-akbar riformi soċjali mis-snin sebgħin lil hawn.
Il-ktieb, li hu tal-awtur il-Professur Raymond Mangion, jidħol fid-dettal dwar l-istorja tal-Palazz u kif eventwalment żviluppata l-liġi tas-sigurtà soċjali f’Malta.
“Il-ktieb minbarra li jikkommemora 150 sena minn meta nbena l-Palazz ifakkar ukoll il-50 sena kemm ilha s-sigurtà soċjali tiffunzjona minn hawnhekk. Fosthom hawnhekk saret il-liġi tal-1986 li tirregola l-pensjonijiet, il-bonuses u ċ-Children’s Allowance. Il-Welfare state legislation hi rregolata minn hawn ġew.”
Prof. Ray Mangion – Awtur u Storiku
Minbarra minjiera ta’ ritratti antiki u ta’ storja, fatt kurjuż f’dan il-ktieb hu li, għall-ewwel darba, qed ikun dokumentat każ paranormali li seħħ f’Palazzo Ferreria fl-2018.