Kuntent kemm l-entitajiet governattivi u kemm persuni f’pajjiżna jgħinu lill-għaqdiet volontarji.
Dan intqal mill-Professur Joseph N. Grima, li hu l-President tas-Siġġiewi Rowing Club u l-President tal-Kumitat Paralimpiku Malti, waqt l-ewwel laqgħa tal-Kabinett man-nies għal din is-sena, li saret it-Tlieta u li ddiskutiet il-volontarjat.
Grima qal li l-volontarjat jgħin fil-formazzjoni ta’ dawk li jagħtu ħinhom għal ħaddieħor.
Stqarr, “Il-volontarju mhuwiex qiegħed hemmhekk jagħmel dan ix-xogħol biex jitħallas b’mod monetarju. Naħseb jien kieku kellkom tħallsuni tax-xogħol li nagħmel, ma nagħmlux, nagħmlu għax nixtieq nagħmlu, għax inħossni obbligat li nagħti lura lis-soċjetà, lil pajjiżi ftit minn dak kollu li rċevejt.”
Il-fundatur u Chairperson tal-għaqda Żibel, Andrew Schembri, qal li f’dawn l-aħħar seba’ snin din l-għaqda għaqqdet flimkien tmint elef voluntier minn tfal sa anzjani, waqt cleanups li ġew organizzati madwar il-pajjiż.
Hu tkellem dwar il-ħtieġa tas-simplifikazzjoni.
Qal, “U wkoll għandna bżonn, kif qal sew il-Prim Ministru, għall-fondi b’inqas xogħol amministrattiv, minħabba r-riżorsi limitati tagħna u anke l-ħin limitat tal-voluntieri tagħna.”
Tkellem ukoll il-President tal-Għaqda Każin tal-Banda San Filep, Dr Philip Sciortino, li ffoka fuq il-festa Maltija, li riċentament ukoll ġiet rikonoxxuta mill-UNESCO bħala Wirt Intanġibbli u kif il-każini huma postijiet ċentrali f’kull lokalità li għandna f’pajjiżna.
Sostna, “Biss irridu naraw ħalli flimkien din il-festa nżommuha kemm jista’ jkun prodott Malti li jibqa’ jintagħraf li hu Malti.”
Fid-Dar tal-Providenza tkellem ukoll id-Direttur ta’ din id-dar, Fr Martin Micallef, li kompla jespandi dwar ix-xogħol volontarju li jwettqu ħafna f’din ir-residenza ma’ persuni b’diżabilità.
Qal, “Napprezzaw li llum dan is-settur tal-volontarjat qed jitqies bħala sieħeb strateġiku fl-oqsma varji tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna. Napprezzaw ukoll l-inizjattivi diversi li jittieħdu biex ikun hemm is-sostenn neċessarju lejn l-għaqdiet, organizzazzjonijiet bħal tagħna u oħrajn.”
Is-Segretarja tal-Youth Football Association, Stephanie Rocco, qalet li f’pajjiżna hawn tmienja u erbgħin nursery, b’sebat elef u ħames mitt tifel u tifla rreġistrati. Hi qalet kif dan evolva mit-twaqqif ta’ din l-assoċjazzjoni.
Sostniet, “Imma llum il-ġurnata qed niffokaw ħafna aktar fuq l-importanza tas-social wellbeing, għax ir-realtajiet soċjali evolvew minn 40 sena ilu.”