Friski fuq il-bankijiet tal-iskola għal sena skolastika ġdida, il-mitejn tifel u tifla u l-edukaturi tagħhom fl-Iskola Primarja tan-Nadur, il-Ġimgħa filgħodu, kellhom żjara mhux tas-soltu, unika u żgur li se jibqgħu jiftakruha għal għomorhom.
Evidentament eċċitati, bil-bandiera tal-Unjoni Ewropea f’idejhom, it-tfal laqgħu fl-iskola lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, akkumpanjata mill-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Ftit wara li dawn it-tnejn indirizzaw lill-midja fil-bitħa tal-iskola, ONE News tkellem ma’ għadd ta’ tfal li kollha qalulna kemm jinsabu ferħanin bl-iskola l-ġdida.
Il-proġett tal-Iskola Primarja tan-Nadur jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-binja storika, b’investiment ta’ €6.3 miljun u għalih hemm fondi taħt il-programmi NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.
Minbarra t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstra-kurrikulari, fosthom dance studio, music room, literacy room, theatre studio u klassijiet għall-arti.
Fix-xogħlijiet li saru sar aċċenn fuq l-aċċessibbiltà fl-iskola u fil-binja ġew introdotti diversi miżuri favur l-effiċjenza fl-enerġija.
Kif anke spjegat il-Kap tal-Iskola Primarja tan-Nadur, Mary Jane Camilleri, minkejja li l-proġett għadu mhux komplut fit-totalità tiegħu, l-istudenti xorta waħda daħlu għal sena skolastika ġdida fi klassijiet moderni u b’teknoloġija tal-ogħla livell.
Qalet “Inħossuna grati ta’ dan il-proġett li qed isir hawnhekk, għadu on going, il-klassijiet huma kollha lesti u l-istudenti kollha qegħdin komdi, kollox ġdid, klassijiet rinnovati, kollox magħmul mill-qiegħ. Grati wkoll li l-binja ġiet ristrutturata u mhux, għax kienet qadima, waqgħet, għax din fiha preġju”
Ta’ min isemmi wkoll kif dan il-proġett jifforma parti minn investiment fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex li jlaħħaq l-24 miljun ewro. Dan hekk kif fil-qalba tal-Belt Victoria qed tinbena skola Primarja ġdida b’investiment ta’ 18-il miljun ewro oħra.
Preżenti fiż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.