Ħafna minna ktibna t-teżi fil-libreriji, iżda l-klassi tal-2020 kellha tadatta għal pjattaformi virtwali biex mhux biss tinkiteb l-aktar parti importanti tat-traġitt edukattiv ta’ student iżda biex anke tinġabar l-informazzjoni li hemm bżonn.
Din kienet realtà li affaċjat Sarah Debattista, studenta tal-Ġurnaliżmu fl-MCAST li tinsab fl-aħħar fażi tal-kitba tat-teżi. Ma’ ONE News iż-żagħżugħa promettenti spjegat li kellha tagħmel l-intervisti kollha b’mod virtwali biex tikseb l-informazzjoni.
“Il-kuntatt huwa kompletament differenti, speċjalment jekk persuna ma tkunx iltqajt magħha u qed tiltaqa’ magħha b’mod virtwali, inħoss li jkun hemm nuqqas ta’ fiduċja li tista’ taffettwa fir-riżultat u l-informazzjoni li qed tikseb għax ma jkunx komdu li jagħtik l-informazzjoni daqs li kieku kont qed tkellmu b’mod fiżiku. Anke li mhux tarah juża jdejh jew jikkomunika bl-għajnejn, taffettwa wkoll”, spjegat Debattista.
Qalet ukoll li r-realtà kienet li l-istudent ma kellux għażla oħra għajr li xorta jikteb it-teżi kif jista’, iżda qalet li l-appoġġ min-naħa tal-MCAST ma naqas xejn. Filfatt, il-kuntatt in-naħa tal-letturi u l-iskola ma naqasx.
Spjegat ukoll li minħabba li l-intervisti jew il-konverżazzjonijiet ma’ diversi persuni saru b’mod virtwali, dak li jkun ma kellux għalfejn jinqala’ mid-dar u l-uffiċċju, u allura kienet aktar faċli għal Sarah ssib persuni disponibbli biex jipparteċipaw fir-riċerka li għamlet hi.
Fuq kollox, staqsejna liż-żagħżugħa jekk minkejja li forsi l-proċess tal-kitba kienet differenti milli ppjanat, irnexxilhiex tikteb it-teżi li dejjem xtaqet.
“Iva, imma xi ftit jew wisq, kelli nadatta u nbidel ftit. Iżda għamilt li stajt u kuntenta bit-teżi tiegħi”, temmet tgħid Debattista.