Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renée Laiviera laqgħet bil-kbir l-aħbar li pajjiżna kien ir-raba’ l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għamel progress lejn ugwaljanza sħiħa bejn l-2015 u l-2017, b’ritmu pożittiv li jiżboq il-medja Ewropea.
Dan joħroġ mill-Indiċi tal-Istitut Ewropew li jaħdem favur l-ugwaljanza bejn is-Sessi li jikklassifika l-ugwaljanza f’sitt oqsma ewlenin bħax-xogħol, l-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju, ir-rappreżentanza fl-istrutturi tal-poter, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u s-saħħa.
Laiviera irrikonoxxiet li f’dawn l-oqsma pajjiżna miexi ‘l quddiem iżda saħqet li fadal xi jsir fil-qasam tar-rappreżentanza fl-istrutturi tal-poter, fejn pajjiżna għadu b’waħda mill-inqas rappreżentanzi ta’ nisa fil-Parlament.
Saħqet li mingħajr dewmien għandha ssir ir-riforma li tintroduċi miżuri pożittivi għal rappreżentanza iktar indaqs.
Laiviera spjegat li “Id-dokument li ħareġ dwar miżuri pożittivi biex ikun hemm iżjed nisa fil-Parlament, dan għandu jgħin u anzi jgħaddi u jiġi mplimentat biex f’elezzjoni oħra aħna naraw numru iżjed ta’ nisa fil-Parlament.”
Is-Sinjura Laiviera argumentat ukoll li f’pajjiżi oħra, l-ikbar progress dwar rappreżentanza indaqs sar fejn il-miżuri kienu obbligatorji u mhux volontarji.
“Ħareġ ċar li fejn sar progess sostanzjali kienu f’dawk il-pajjiżi fejn kien hemm binding measures. Jiġifieri miżuri li mhux iridu jiġu mplimentati b’mod volontarju imma li jkunu mandatorji u hemmhekk irriżulta fi progress sostanzjali u hemmhekk irridu nimxu”, temmet tgħid Laiviera.