Il-Gvern ma telaqniex għal rieħna.
Kliem Stephen Tedesco, sid ta’ bar fil-Gudja li fl-aħħar xhur kellu jagħlaq il-bibien tiegħu bħala parti mill-miżuri li ttieħdu biex irażżnu t-tixrid tal-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna.
Lil Tedesco tkellimna miegħu jumejn wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jalloka miljun ewro għas-sidien tal-bars u l-każini f’għajnuna, riżultat tal-impatt li ħalliet il-pandemija fuq dawn l-istabbilimenti.
Qal kif, “Kuntent li ħa jagħtina xi ħaġa mhux qabad u ma tax kasna. Ma telaqniex għal rieħna bħal pajjiżi oħrajn minn daqshekk ma tistax tgħid li qabad u telaqna, qegħdin magħluqin u ma jinteressanix.”
Is-sid tal-bar spjega li din l-allokazzjoni hija ta’ sostenn għal dawn l-istabbilimenti, li bħalissa qegħdin jarmu bosta prodotti, bħax-xorb, li jiskadu.
Spjega kif, “Għandna ħafna affarijiet li rrid narmihom, voldieri, jekk il-Gvern ħa jgħini xi ħaġa ħa nieħu pjaċir bihom. Almenu naqra kuraġġ għax ilna magħluqin u ma nafux kemm ħa ndumu magħluqin ukoll.”
Il-President tal-Għaqda tal-Każini tal-Banda, Noel Camilleri, spjega kif l-għaqda laqgħet din l-inizjattiva b’idejn miftuħa hekk kif se tkun ta’ spalla kbira għas-sidien tal-bars u l-każini.
Qal, “Aħna ħadna gost meta tħabbar li se jgħinu lill-każini b’għajnuna oħra finanzjarja biex verament itaffi d-diffilkutajiet kbar li qed jaffaċjaw magħhom is-soċjetà tal-banda ħabba dan it-tul ta’ għeluq taż-żmien u ovvjament aħna nifhmu u naqblu magħha għaliex is-saħħa tal-poplu dejjem tibqa’ l-ewwel u qabel kollox imma wkoll il-fatt li mhux ikun hemm għajnuniet, fundraising activities ifisser li d-dħul nixef għas-soċjetajiet tal-banda.”
Dr Camilleri sostna li l-Gvern flimkien mal-Prim Ministru dejjem kienu hemm biex jagħtu widen u jiddiskutu r-realtà ta’ dawn il-ħaddiema.
Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru żamm kuntatt personali kontinwu mas-sidien tal-bars u fehem il-bżonn ta’ aktar sostenn li jikkumplimenta l-Covid Wage Supplement li diġà qed igawdu minnu s-sidien ta’ dawn it-tip ta’ stabbilimenti.
Qal, “Kemm f’April li għadda u kemm issa riċentament kien għax meta għamilna t-talba formali bħala għaqda għan-nom tal-membri tal-każini tagħnam il-Gvern mill-ewwel talab laqgħa li ssir, għamilna laqgħa, iddiskutejna xi affarijiet u ovvjament ir-riżultat deher meta tħabbar li se jkun hemm din l-għajnuna lill-bars imma wkoll lis-soċjetajiet tal-banda.”
Id-dettalji dwar l-inċentiv ta’ miljun ewro addizzjonali għas-sidien tal-bars u l-każini, mistennija jitħabbru fil-jiem li ġejjin.