Il-kantant Glen Vella rebaħ il-festival Mużika Mużika li sar is-Sibt filgħaxija u li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.
Dan il-festival daħal fil-qlub tan-nies bl-ispettaklu li offra bil-kanzunetti bil-Malti u bis-sehem anki tal-orkestra li akkumpanjat lill-artisti.
Il-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’ spiċċat bl-istess ammont ta’ punti ma’ dik li ġiet it-tieni interpretata minn Christian Arding, ‘Għajjejt Inħobb’, madankollu kien Glen Vella li rebaħ wara li kiseb punteġġ ogħla mill-vot tal-pubbliku.
Ġurija esperta wkoll ivvutat u permezz tal-voti magħduda flimkien, il-grupp Kantera spiċċa fit-tielet post wara li interpreta l-kanzunetta ‘L-Ewwel Jien’.
Fl-ewwel serata kien hemm erbgħa u għoxrin kanzunetta filwaqt li fit-tieni serata, kull kantant kanta kanzunetta bil-Malti ma’ artist leġġenda.
F’kummenti ma’ ONE News, Glen Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu li rebaħ il-festival tal-kanzunetta Maltija.
Qal kif, “Ovvjament l-ewwel kummenti tiegħi huma ta’ ferħ, jiġifieri emozzjoni kbira. Għadni s’issa nirċievi r-rispons u grat ħafna.”
F’kuntest ta’ pandemija qalilna li l-artisti ħadu gost li setgħu jitilgħu fuq palk grandjuż u taw wirja sabiħa.
Spjega, “Jien kif għedt ilbieraħ fil-ħin li għollejt it-trofew li tawni, iddedikajtu lill-mużisti bħali li matul dan iż-żminijiet, mhuwiex żmien sabiħ għalina, imma grazzi għall-festival Mużika Mużika tana l-opportunità, pjattaforma li erġajna esperjenzajna dik l-esperjenza li bħala artisti nħobbu nesperjenzaw.”
Glen Vella qalilna li fuq dak il-palk ħassu ferħan se jtir mhux biss għax finalment rebaħ iżda għax b’emozzjoni kbira wassal kanzunetta li se tibqa’ f’qalbu.