L-2020 kienet l-aktar sena li fiha, Business First żammet kuntatt mal-klijenti tagħha. Dan kważi jlaħħaq il-mija u sittin elf klijent, jiġifieri aktar minn tlett elef klijent fil-ġimgħa, u żieda ta’ 367% u 427% fuq l-2019 u l-2018 rispettivament.
Business First hija inizjattiva ta’ Malta Enterprise u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, li toffri s-servizzi kollha li għandu bżonn negozju taħt saqaf wieħed.
Waqt żjara li għamlet il-Minsitru għall-Intrapriża Miriam Dalli fl-uffiċini ta’ Business First, ħareġ ukoll li aktar minn tlettax-il elf persuna fiżikament talbu xi servizz, u daħlu 68,526 telefonata għall-għajnuna, partikolarment relatata mal-Covid-19.
Il-Ministru Dalli spjegat li Malta Enterprise u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji se jibqgħu impenjati li li joffru diversi servizzi kruċjali għan-negozji minn post wieħed. Il-Ministru qalet li grazzi għal Malta Enterprise il-Gvern seta’ jimplimenta inċentivi li għenu lin-negozji u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Is-supplement tal-paga waħdu salva mitt elf impjieg, u l-Gvern nieda skema riveduta ta’ din għal din is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li l-Aġenzija mmexxija minnu se tibqa’ tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-intrapriżi kollha, u hija kommessa li l-irkupru tal-pajjiż mill-pandemija jkun effettiv fuq il-komunità tan-negozju fil-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Business First, Marika Tonna, spjegat li l-operat għaddej b’mod normali, u ħeġġet lil kull min hu interessat jiftaħ negozji biex jitlob il-gwida ta’ Business First.