Kunsillieri Nazzjonalisti fin-Naxxar ħarġu jopponu biex il-klabb ta’ Naxxar Lions ikollu l-post minn fejn imexxi l-operat tiegħu.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha, fejn intqal li l-pjan biex il-klabb ewlieni tal-futbol fil-lokalità jkollu l-post tiegħu ġie mis-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami stess flimkien mal-Minority Leader, il-Kunsillier Laburista Marlon Brincat.
Magħhom qablu l-kunsillieri kollha Laburisti, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk li qed jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista li oġġezzjonaw għat-talba tal-klabb li jkollu post fil-qalba tar-raħal minn fejn imexxi aħjar l-operat tiegħu.
Il-ħsieb kien li, b’talba għand l-Awtorità tal-Artijiet, il-klabb jamministra il-post biswit il-Knisja. Din il-proposta ma niżlitx tajjeb mal-kunsillieri Nazzjonalisti, hekk kif, fl-aħħar laqgħat tal-Kunsill, ressqu emendi biex iwaqqfu dan il-proċess.
L-emendi m’għaddewx u meta vvotaw għall-proposta oriġinali, kien hemm qasma fil-vot mill-kunsillieri Nazzjonalisti. Kien hemm il-Kunsillier Joe Spiteri, li hu wkoll il-President tal-kumitat lokali Nazzjonalista fin-Naxxar, li vvota kontra.
Din l-oġġezzjoni ma niżlet xejn tajjeb mal-partitarji tal-klabb tal-futbol, li ilhom snin jistennew biex issa sabu xkiel mill-kunsillieri Nazzjonalisti li qed jipprovaw iċaħħdu lil-lokal milli jinvesti fl-aqwa faċilitajiet u l-ħiliet, inkluż tat-tfal fin-nursery ta’ Naxxar Lions FC.
Fin-Naxxar bħalissa għaddej ukoll il-proċess ta’ investiment maġġuri ta’ grawnd kbir tal-futbol, li se jkun attrezzat bl-aqwa faċilitajiet possibbli u li se jkunu qed igawdu minnu l-atleti kollha ta’ Naxxar Lions FC, minn età tenera sal-adulti.
Wara li fl-2020 ħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol tal-klabb biswit l-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary b’investiment ta’ madwar tmin miljun ewro mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, l-art fiż-żona magħrufa bħala x-Xwieki għaddiet għand il-klabb b’ċens għal 45 sena bi ftehim iffirmat bejn SportMalta u l-istess klabb.
Il-proġett, li jinkludi madwar disat elef u tmin mitt metru kwadru, jinkludi pitch 11-a-side, se jkun jesa’ madwar erba’ mitt spettatur u spazju għal madwar ħames mitt vettura fuq żewġ livelli biex jakkomoda wkoll lill-istituzzjonijiet edukattivi tal-madwar.