Ta’ kull sena, il-kunsilli madwar Malta u Għawdex jagħtu rikonoxximent li wieħed minn uliedhom għall-ħidma li jkun għamel b’risq l-istess lokalità rispettiva.
Hekk għamel il-Kunsill Lokali tal-Qala fl-aħħar jiem, meta f’ċerimonja ħelwa li l-għan tagħha kien li tgħaqqad il-lokal, ta diversi rikonoxximenti, inkluż l-ogħla premju annwali lill-persuna li tkun iddistingwiet ruħha matul is-sena.
Il-Kunsill Għawdxi mmexxi minn amministrazzjoni Laburista, taħt is-Sindku Paul Buttigieg, iddeċida li jagħti l-Premju Ġieħ il-Qala 2024 lill-eks Viċi Sindku Nazzjonalista, Dr Raymond C. Xerri.
Madankollu, xi ħaġa li spikkat waqt iċ-ċerimonja kien in-nuqqas tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista stess wara li ż-żewġ kunsillieri ddeċiedew li jagħmlu bojkott.
ONE News hu informat li, għal din iċ-ċerimonja, il-Kunsilliera Nazzjonalista Valerie Cassar Meilaq lanqas biss rifset l-għatba, filwaqt li l-Kunsillier l-ieħor, Carl Buttigieg, deher għal ftit minuti, iżda spiċċa jlebbet ’il barra eżatt wara.
Dan wassal għal rabja fost qraba u ħbieb tal-istess Dr Xerri.
Jirriżulta li l-ġlied u l-pika kontra l-eks Viċi Sindku mill-Partit tiegħu stess tmur iżjed minn hekk, tant li sorsi mill-kumitat distrettwali Għawdxi qalulna li wkoll kien sar block vote lit-tifel tiegħu – Armando Antonio Xerri – li kkontesta f’isem il-Partit ta’ Bernard Grech fl-aħħar elezzjoni għall-istess kunsill tal-Qala.