It-Team Manager tal-Furjana, Anthony Grech Sant, li huwa wkoll kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fl-istess lokalità, kien sospiż mill-Malta Football Association għal tliet xhur. Dan wara mġiba mhux xierqa fil-grawnd wara kwistjoni li nqalgħet fil-logħba bejn il-Furjana u Ħal Balzan fi tmiem il-ġimgħa liema logħba spiċċat bl-iskor ta’ 1-1.
Il-kwistjoni kollha qamet wara gowl ta’ Ħal Balzan li skont id-diriġenti tal-Furjana kien offside. Għalkemm protesti dwar deċiżjoni ta’ dan it-tip huma komuni, din id-darba tant Grech Sant qabeż il-limitu li l-kummissarju tad-dixxiplina tal-MFA għażel li jissospendih għal 12–il ġimgħa konsekuttivi.
Fi kliem persuni qrib il-klabb li tkellmu magħna, l-eżempju li ta Grech Sant ma kienx wieħed denju ta’ kunsillier fil-kunsill lokali. “Wieħed irid iżomm f’moħħu l-karigi li jokkupa fil-ħajja u ma jistax iġib ruħu b’dan il-mod. Jien niskanta kif il-Partit Nazzjonalista ma qal xejn meta jitkellem tant fuq il-korrettezza,” qalilna partitarju ta’ Ħal Balzan li tkellem magħna u li ddeskriva lilu nnifsu sorpriż b’dak li ġara.
“Dan biex ma noqgħodx insemmi li fuq il-programmi tal-Ħadd filgħaxija, meta rajna replays, deher biċ-ċar li ma kellux għalfejn jagħmel dan il-plejtu għax il-gowl tagħna kien leġittimu,” żied jgħidilna.
Anthony Grech Sant hu iben Furjaniż ieħor bl-istess isem u li fl-imgħoddi ssemma fl-aħbarijiet minħabba l-involviment fil-każ fejn kienu xxaħmu prim imħallef u imħallef.