James Cauchi, li ilu jservi bħala Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Bormla sa mill-ħolqien tal-istess kunsilli wieħed u tletin sena ilu, ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Partit tiegħu stess wara li dan ma daħħalx il-kandidatura tiegħu mal-oħrajn għand il-Kummissjoni Elettorali.
Dan anke jekk kien il-Partit Nazzjonalista stess li reġa’ talbu jimla l-formola relatata.
Skont il-protest ġudizzjarju mressaq il-Qorti, Cauchi qed jassoċja l-fatt li l-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet li jmiss ma ġietx ippreżentata fl-Eżekuttiv tal-Partit ma’ telefonata li rċieva mill-Partit stess biex jingħaqad ma’ fazzjoni interna biex jitneħħa l-Kap Bernard Grech.
Il-protest tressaq mill-Avukat Ishmael Psaila, f’isem Cauchi, kontra l-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino u l-Kummissjoni Elettorali.
Cauchi, li kkontesta b’suċċess kull elezzjoni tal-kunsill f’Bormla u f’elezzjoni minnhom saħansitra ġab l-akbar ammont ta’ voti, iżda ma setax iservi bħala Sindku minħabba li l-PN kien f’minoranza, qal li kien il-Partit Nazzjonalista stess li f’Jannar li għadda talbu biex jikkontesta mill-ġdid. Minkejja dan, baqa’ mingħajr risposta sakemm għalqu n-nominazzjonijiet.
Cauchi esprima d-diżappunt u qal li s-sitwazzjoni ċaħħditu milli jirrappreżenta lill-Bormliżi, waqt li ddikjara li qed jirriserva d-dritt li jieħu passi legali oħrajn skont il-liġi.