Tnieda fuljett għall-Kunsilli Lokali sabiex ikun aktar faċli għalihom li japplikaw għall-fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, spjega kif din il-pubblikazzjoni fiha ġabra sħiħa ta’ opportunitajiet ta’ Fondi Ewropej li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-Kunsilli Lokali.
L-idea wara dan il-ktieb hija li wieħed isib l-informazzjoni meħtieġa dwar kull programm u jidentifika proġetti li l-iktar jistgħu jibbenfeikaw il-komunitajiet partikolari, imbagħad wieħed jista’ jikkuntattja lill-MEUSAC biex ikompli jiżviluppa l-idea tal-proġett tiegħu.
Dan is-Segretarjat Parlamentari ta importanza lill-Kunsilli Lokali biex jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ Fondi Ewropej sabiex isir iktar investiment mhux biss fl-infrastruttura u l-wirt kulturali imma anke biex il-komunitajiet ikollhom aktar għarfien u parteċipazzjoni diretta fil-proġett Ewropew.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kunsilli lokali, kemm finanzjarji u kemm bħala riżorsi umani, il-Gvern huwa kommess li jagħti l-għajnuna neċessarja lill-kunsilli lokali permezz tal-MEUSAC sabiex ikomplu jaċċessaw fondi Ewropej.
Il-MEUSAC kien strumentali sabiex il-kunsilli lokali akkwistaw ’il fuq minn €20 miljun f’Fondi Ewropej, fejn rajna bosta proġetti f’diversi oqsma, fosthom it-toroq rurali, wirt u restawr storiku u kulturali, skambji ta’ żgħażagħ, ġemellaġġi u anke proġetti sabiex ikun hemm iktar integrazzjoni f’kull lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-Gvern ried li l-Gvern irid li l-Kunsilli Lokali jieħdu aktar poteri sabiex ikunu pijunieri tal-bidla. Huwa fakkar kif illum il-Gvern qassam aktar minn €50 miljun lill-Kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex. Din is-sena wkoll tqassmu wkoll €3 miljun oħra lir-reġjuni.
Grazzi għall-Fondi tal-UE. il-mużew tat-Tunnara fil-Mellieħa se jkun jista’ jiġi restawrat sabiex jieħu lura l-glorja tiegħu. Dan il-mużew li jmur lura għal mijiet ta’ snin, li kawża tal-elementi filwaqt li ġewwa tal-mużew huwa miżmum bl-aqwa mod possibbli il-faċċata ġarrbet ħsarat kbar.
Għalekk bis-saħħa ta’ dawn il-fondi se jkun qed titranġa l-faċċata tal-binja filwaqt li tiġi installata sistema ġdida interattiva fuq ġewwa tal-mużew. Is-Sur Vanni Xuereb mill-MEUSEC spjega kif mingħajr fondi mill-UE proġetti bħal dawn ma jkunux jistgħu isiru possibli. Huwa laqa’ din il-pubblikazzjoni hekk kif se tkun qed tassisti mhux ftit lill-għexieren ta’ kunsilli madwar il-gżejjer Maltin.