Il-kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn rati baxxi ta’ kirjiet fuq artijiet u proprjetajiet pubbliċi permezz ta’ skema ġdida. Fil-fatt, tkun xi tkun l-art jew propjetà mikrija mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, il-massimu tal-kera li tista’ titħallas ikun biss ta’ €500.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fi Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq, li wkoll hu wieħed mis-siti li se jgawdi mill-iskema.
“Il-ħlas li jagħmlu meta jkun proprjetà li tiġi devoluta lill-kunsilli se jkun massimu ta’ €500. Dan ifisser li, filwaqt li se nagħtu aktar fakultà lill-kunsilli lokali jkollhom aktar spazji bħal dawn li jkunu jistgħu jamministrawhom, però fil-ħlas li jħallsu lill-Awtorità tal-Artijiet, dan se jkun sa massimu ta’ €500 u b’hekk inħallu aktar fondi fi ħdan il-kunsilli lokali biex b’hekk ikomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom fil-lokalitajiet”.
Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru
Permezz ta’ dan il-proċess ta’ devoluzzjoni, it-tmexxija ta’ żona partikolari jew binja tgħaddi f’idejn il-kunsill rispettiv.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrikonoxxa li l-operat tal-kunsilli lokali jġib miegħu sfidi differenti, skont id-daqs u n-natura tal-lokalità.
Lżda, permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern hu kommess li jinvesti direttament fin-nies biex b’hekk il-kunsilli lokali jkunu jistgħu joffru aktar servizzi lill-komunitajiet tagħhom billi jonfqu inqas f’kirjiet.
Fid-dawl ta’ din l-iskema, il-kunsilli lokali se jiffrankaw eluf ta’ ewro.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li l-kunsilli għandhom diversi funzjonijiet fir-responsabbiltà tagħhom li jirrikjedu riżorsi varji biex jitwettqu.
Spjegat kif issa l-kunsilli se jifdlilhom aktar fondi li jintużaw għall-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti tagħhom, b’mod aħjar u aktar effikaċi.
“Aktar kunsilli lokali se jkunu qed jagħmlu użu minn din l-iskema se jkollhom aktar flus fil-but tagħhom biex ikunu r-residenti li jgawdu minn aktar proġetti fil-lokalitajiet tagħna.”
Alison Zerafa Civelli – Segretarju Parlamentari
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-iskema kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Carlos Tabone, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, u s-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima.