Għal darb oħra tnieda l-fond ta’ manutenzjoni u sostenn ta’ proġetti infrastrutturali, b’allokazzjoni ta’ nofs miljun ewro, bil-għan li jintużaw mill-Kunsilli Lokali biex imantnu l-proġetti kapitali li jkunu saru mill-Gvern.
Tliet Kunsilli Lokali; tal-Mosta, tal-Gudja u ta’ San Ġwann diġà qegħdin igawdu minn fondi biex isostnu l-proġetti li saru b’investiment kapitali mill-Gvern ċentrali, fosthom f’ġonna u siti oħra.
Is-siti li ntagħżlu fl-ewwel sejħa huma Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, Ġnien il-Misraħ 11 ta’ Frar f’San Ġwann u tisbiħ tal-Belveder fil-Gudja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali Natalino Attard tenna kif dejjem nħass il-bżonn biex jiġu mgħejjuna Kunsilli Lokali li ma kellomx il-mezzi biex iżommu fi stat tajjeb dawn il-proġetti.
Is-Sur Attard irrimarka,“Dawn l-aħħar s-sentejn il-Gvern ħass li kellu jgħin lill-Kunsilli Lokali sabiex ikollhom fondi biżejjed biex jagħmlu manutenzjoni ta’ proġetti li saru mill-Gvern ċentrali. U mis-sena l-oħra ’l hawnhekk ħsibna li dan il-fond inkabbruh fil-fatt għandna nofs miljun ewro.”
L-applikazzjonijiet il-ġodda ser ikunu aċċettati għal proġetti ta’ manutenzjoni sa massimu ta’ mitt elf ewro għal kull applikazzjoni.
Il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Josè Herrera tenna kemm hu importanti li meta kunsill lokali jkun fdat b’sit, ikollu pjan biex jiffinanzja ż-żamma tiegħu.
Il-Ministru Herrera spjega, “Dan huwa fond intenzjonat illi jgħin ‘l Kunsill Lokali partikolari jsostni u jmantni proġett kapitali li jkun sar mill-Gvern ċentrali però jkun ġie devolut lill-istess kunsill. Eżempju, għax illum qassamna flus il-Ġnien Għarusa tal-Mosta.”
Il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa jissottomettu l-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi.