Inizjattiva mnedija mill-Awtorità tal-Artijiet dan l-aħħar qed issaraf biex il-kunsilli lokali jħallsu inqas għal proprjetajiet mikrijin mingħand il-Gvern.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed jinvesti dirett fiċ-ċittadini ħalli l-kunsilli lokali jkunu jistgħu joffru aktar servizzi liċ-ċittadini tagħhom fl-irħula u l-ibliet li jirrappreżentaw.
Il-kunsilli kollha f’Malta u Għawdex bdew igawdu minn rati aktar baxxi ta’ kirjiet fuq artijiet u proprjetajiet pubbliċi. Permezz ta’ din l-inizjattiva mill-Gvern, tkun xi tkun l-art jew proprjetà mikrija mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, il-kunsilli lokali, l-aktar li jistgħu jħallsu għall-kirja hu massimu ta’ €500 fis-sena.
L-inizjattiva tħabbret ix-xahar li għadda mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzi Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Permezz ta’ dan il-proċess ta’ devoluzzjoni, it-tmexxija ta’ żoni partikolari jew binjiet jgħaddu f’idejn il-kunsill rispettiv.
Tkellimna ma’ sindki li l-lokalitajiet li jirrappreżentaw bdew igawdu mill-iskema b’mod awtomatiku.
Is-Sindku tal-Mosta, Chris Grech, esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar din l-iskema.
Qal, “B’din l-inizjattiva, il-Gvern se jdaħħal ħafna inqas flus, però qed jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kunsilli Lokali, u dawn qed jiggwadanjaw, mhux biss il-Kunsilli, imma fl-aħħar mill-aħħar l-għaqdiet kollha tal-lokal, l-NGOs kollha tal-lokal, u r-residenti anke tal-lokal, u ta’ dan nuru l-apprezzament tagħna, tal-ħidma tal-Gvern ċentrali u tal-fiduċja, fil-kunsilli lokali bħala Gvern lokali.”
Is-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella, spjegalna kemm din l-iskema hi ta’ benefiċċju għall-Kunsill Lokali tiegħu.
Qal, “Bħala skema intlaqgħet tajjeb ħafna mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, għax l-ammont naqas drastikament issa, anke wara li żmien ilu kien wieħed mill-kunsilli li, ġibdilna l-attenzjoni, li l-entitajiet governattivi qed jonfqu l-flus li konna qegħdin nonfqu, u ovvjament dawk il-flus li qed jiġu ffrankati, ħa jkunu qed jibbenefikaw minnhom il-komunità kollha u r-residenti tal-Mellieħa, b’aktar proġetti għal-lokalità.”
Trevor Fenech, is-Sindku ta’ San Ġwann, tana ħjiel aktar dawn din l-iskema fejn il-Kunsill, immexxi minnu, se jkun qed jiffranka mill-inqas mal-elf u seba’ mitt ewro kull sena.
Qal, “Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann se jkun iffranka l-flus fuq il-kirjiet, iżda wkoll permezz ta’ din l-inizjattiva, aħna se nkunu nistgħu ninvestu wkoll fir-residenti tagħna u fil-lokal tagħna.”