Id-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strategija u Implimentazzjoni tal-Politika nieda skema ta’ finanzjament għal għodod ta’ irrigazzjoni fil-komunitajiet Maltin, jiġifieri għodod li jintużaw fit-tisqija ta’ żoni miftuħa fil-lokalitajiet. Id-Direttorat alloka miljun ewro f’fondi għal din l-iskema, li hija parti mir-riforma fil-Gvern Lokali.
Dan fost l-oħrajn biex jitkattru aktar spazji miftuħa, u biex il-Kunsilli Lokali jikkontribwixxu għall-arja aktar safja għall-benefiċċju u l-benesseri taċ-ċittadini.
Is-sistema ta’ irrigazzjoni ttejjeb b’mod sinjifikanti t-tkabbir tal-pjanti, arbuxelli u fjuri. Dawn jikbru aktar malajr u b’mod aktar ekoloġiku minħabba li jingħataw ammonti żgħar ta’ ilma fuq perjodu twil.
Permezz ta’ skemi ta’ dan it-tip l-Gvern qed iħeġġeġ lil-lokalitajiet biex ikunu aktar sostenibbli permezz ta’ inizjattivi li huma ta’ benefiċċju kbir għall-komunitajiet u ċ-ċittadini tagħna.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis intqal li l-Gvern se jaċċerta li jifhem aħjar il-bżonnijiet taċ-ċittadini u jimpenja ruħu biex jgħin kemm jista’ lis-soċjetà bi skemi bħal dawn.