Wara ftit jiem ta’ riflessjoni wara l-vot tar-referendum fir-Renju Unit, li ħasad lill-Ewropa, illum wara nofsinhar il-mexxejja Ewropej se jiltaqgħu fi Brussel għal Kunsill Ewropew kruċjali.
Il-Kunsill Ewropew se jibda b’laqgħa tal-mexxejja Ewropej mal-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz. Warajha ssegwi l-ewwel sessjoni ta’ diskussjonijiet dwar suġġetti mhux relatati ma’ Brexit.
Brexit se jkun diskuss filgħaxija waqt working dinner li mistenni jġebbed sas-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.
Il-media internazzjonali miġbura fi Brussel qed tispekula li r-reazzjonijiet tal-Mexxejja Ewropej se jkunu differenti.
Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel diġa esprimiet fhemtha li Brexit mgħandiex issir bl-għaġġla, filwaqt li l-maġġoranża tal-mexxejja l-oħra huma tal-fehma li artiklu 50 tat-Trattat għandu jkun infurżat immedjatament biex ir-Renju Unit jimplimenta r-rieda tal-poplu.
Iżda David Cameron qal fil-Parlament Ingliż ilbieraħ li meta se jseħħ dan mhux se jkun determinat mill-membri Ewropej. Għaliex din hija deċiżjoni sovrana tagħhom. Fil-fatt hu ddeċieda li dan għandu jsir mill-gvern il-ġdid, li mistenni jieħu r-riedni tal-pajjiż sa’ Ottubru li ġej.
Jiġri x’ jiġri, ir-relazzjonijiet politiċi mar-Renju Unit mistennija jibqgħu tajbin, b’ Merkel stess tgħid li trid iżżom lil dan il-pajjiż bħala sieħeb viċin l-Unjoni Ewoprea, b’rabtiet ekonmiċi tajbin.
Id-diskussjonijiet dwar l-implikazzjonijiet politiċi u prattiċi ta’ Brexit u l-futur tas-sebgħa u għoxrin membru tal-Unjoni Ewropea, iġifieri bl-assenza tar-Renju Unit, jissoktaw l-Erbgħa filgħodu f’ laqgħa informali.
one.com.mt se jżommkom aġġornati l-ħin kollu.