Aktar minn tliet mitt professjonist se jattendu għall-Kungress Internazzjonali dwar il-Vizzji, li se jsir f’Malta bejn l-erbgħa u s-sebgħa ta’ Ottubru.
Dan il-kungress se jinkludi wkoll mija u sittin professjonist lokali li jaħdmu f’dan il-qasam.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern flimkien mat-tmexxija tal-Kungress, fejn ġie spjegat li ħafna mit-temi li se jkunu diskussi jittrattaw ir-rijabilitazzjoni u fatturi psikosoċjali li qed iwasslu għall-abbuż, u kif dawn jistgħu jiġu evitati minn etajiet żgħar bħala prevenzjoni.
Il-Professur Alex Baldacchinho li huwa wkoll il-President tal-Kungress, innota li dawn il-laqgħat igawdu rispett internazzjonali fost tobba u professjonisti li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni bil-vizzji.
Huwa faħħar ukoll lil Malta għall-applikazzjoni serja tagħha li wasslet biex tintagħżel bħala l-pajjiż li tospita dan il-kungress.
Qal, “When it was presented 4 years ago unanimously the board of directors thought that this is the best bid but there is another element. Malta is right in the middle of the Mediterranean. It has a geopolitical presence and we were aware that we did not had any global conferences in this region and we wanted Malta to inspire other regions to consider seriously the evidence there is in the field of addiction medicine.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon tkellem dwar l-impenn tal-Gvern fil-qasam tal-vizzji.
Semma fost oħrajn iċ-ċentru terapewtiku tal-Ibwar, li ġie inawgurat wara investiment ta’ €4 miljun iżda mhux biss.
Qal, “Il-Gvern effettivament jagħmel tajjeb għall-operat kollu f’dan il-qasam. Il-Gvern ovvjament għandu l-aġenzija tiegħu fi ħdan l-FSWS, is-Sedqa, imma mbagħad il-Gvern għandu wkoll ftehimiet ma’ Caritas u anke ma’ OASI. Tista’ tgħid li l-operat kollu ta’ dawn it-tliet għaqdiet huwa investiment għall-pajjiż għax nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-għajnuna.”