Il-każ jitratta artiklu li kiteb Jose’ Herrera fl-2004 dak iż-żmien kelliem laburista għas-settur marittimu.
Fl-artiklu ippublikat f’Ġunju ta’ tnax-il sena ilu fit-Times, Herrera kien qal li jeżisti kunflitt ta’ interess fil-mod ta’ kif ingħata tender għad-disinn ta’ moll fil-Port il-Kbir.Dak iż-żmien Herrera kien tefa’ dawl dwar il-mod kif mexa Marc Bonello, chairman tal-Awtorità Marittima.
Bonello mhux biss kien iċ-chairman iżda wkoll parti mill-kumitat li aġġudika s-sejħiet li daħlu għad-disinn tal-moll.Fl-artiklu kien intqal li fl-istess ħin li Bonello kien iċ-chairman li kellu jiddeċiedi bir-reqqa dwar it-tenders, il-kumpanija li tagħha kien imsieħeb, jiġifieri TBA li daħlet għat-tender bi sħab ma’ CMC Ltd.
Jose’ Herrera kien saħaq li CMC bis-sehem ta’ TBA rebħu t-tender biex jiddisinjaw il-moll tal-Port il-Kbir.
Quddiem dawn l-allegazzjonijiet serji, l-imsieħba ta’ TBA ħassew li ġew malafamati iżda l-Qorti ma sabet xejn libelluż f’dak li ntqal minn Jose’ Herrera. Kien għalhekk li l-imsieħba tal-kumpanija tal-Periti, Dr. Marc Bonello, il-Professur Alex Torpiano u Dr. Dion Buhagiar tilfu l-kawża bl-ispejjeż b’kollox.
Torpiano huwa l-Perit tad-Dar Ċentrali u dak li mexxa l-kumitat li għamel l-istima tal-art tal-Lowenbrau f’Ħal Qormi li bħalissa tinsab f’nofs skandlu.