Minflok ferħu b’NET FM fl-istamperija tkellmu dwar Pierre Portelli u l-kunflitt tal-interess. Kif ammetta kemm il-darba l-Kap, Adrian Delia, Pierre Portelli mbottah kemm felaħ biex isir kap tal-Partit Nazzjonalista u ladarba Delia nħatar Pierre Portelli rritorna d-Dar Ċentrali. Dan b’pakkett finanzjarju li meta mgħadud flimkien ilaħħaq id-€90,000 u b’saħħa liema bħalha biex jiddeċiedi hu l-iskeda tal-istazzjonijiet. Pierre Portelli għandu wkoll kumpanija li tipproduċi l-produzzjonijiet televiżivi u fl-ewwel skeda li se jiddeċiedi hu neħħa l-programm Santa Monika biex daħħal tiegħu.
Fattigi se jkun jismu l-programm li se tipproduċi martu permezz tal-kumpanija tiegħu biex mill-PN Portelli mhux biss se jkollu pakkett finanzjarju dirett iżda għandu wkoll produzzjoni.
Li dan il-każ ta’ kunflitt ta’ interess seta’ jinqala’ kien mistenni. Iżda l-imkejjen tagħna sostnew li qatt ma’ basru li daqshekk kmieni. Sorpriża wkoll kienet li Portelli kien lest ineħħi produzzjoni popolari bħal Santa Monika biex jidħol hu.
Frederick Zammit, l-awtur u dak li ħoloq Santa Monika, kiteb fuq facebook li jirrispetta d-deċiżjoni. Iżda, issa ħaddieħor se jkollu jirrispetta d-deċiżjoni tiegħu. Kien ċar ħafna wkoll li hu kien lest ikompli bil-proġett imma n-NET ma riduhx.
Sarkastiku u jniggez il-kumment tal-eks preżentatur David Thake li kiteb fuq facebook li min jaf kemm mart Pierre Portelli kellha diffikultà biex tikkonvinċi lil żewġha jagħtiha din il-produzzjoni fuq Net Television. “M’hemmx suspett ta’ kunflitt ta’ interess,” kiteb David Thake dwar sitwazzjoni li diġa’ qajmet konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista.