Ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-aġenzija Komunità Malta, li twaqqfet f’Novembru tas-sena l-oħra.
Il-ftehim, li jkopri sal-elfejn u erbgħa u għoxrin, kien innegozjat flimkien mal-General Workers Union, u huwa riżultat ta’ laqgħat kordjali fl-interess tal-ħaddiema u tal-aġenzija.
Fost il-benefiċċji, il-ħaddiema se jaraw titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Komunità Malta hija responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-affarijiet marbuta maċ-ċittadinanza Maltija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Jonathan Cardona spjega li dan il-ftehim kollettiv se jkompli jsaħħaħ ħidmet l-aġenzija.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri spjega kif l-iffirmar ta’ dan il-ftehim jixhed kif l-attitudni tal-Gvern illum hija ferm differenti minn dik ta’ Gvernijiet oħra.
“Il-ħaddiema ta’ Komunità Malta, minn issa ‘l quddiem se jgawdu kundizzjonijiet aħjar sabiex fl-istess ħin inkomplu nitolbu minnhom li jkomplu jagħtu servizz aħjar lil Komunità Maltija.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan il-ftehim jiżgura li l-ħaddiema jsibu ambjent pożittiv fuq il-post tax-xogħol, li huwa kruċjali biex il-ħaddiema jilħqu l-massimu tal-ħiliet tagħhom.
“Ftehim kollettiv għall-Aġenzija Komunità Malta, huwa l-ewwel ftehim kollettiv li jkopri l-ħaddiema ta’ din l-aġenzija li minkejja li ma kinitx aġenzija li ilha teżisti snin iżda hija aġenzija importanti ħafna minħabba l-ġid ekonomiku li toħloq f’pajjiżna.”