L-Awditur Ġenerali ħareġ żewġ rapporti oħra b’kundanna għal mod kif kien jitħaddem id-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien li Ministru responsabbli minnu kien hemm Jason Azzopardi.
Dawn iż-żewġ rapporti, li jsegwu oħrajn skandalużi qabilhom, jitkellmu dwar proprjetà fi Triq Spinola f’San Ġiljan u l-art tal-Fekruna fix-Xemxija.
Wara snin ta’ kritika politika llum hemm il-konferma tal-Awditur Ġenerali li f’dawn il-każi d-Dipartiment tal-Artijiet taħt it-tmexxija ta’ Azzopardi ma mexiex bit-trasparenza meħtieġa u m’għamilx ġudizzju korrett.
Il-każ tal-proprjetà fuq ix-Xatt ta’ San Ġiljan propjetà ta’ Eighty Two Company Limited idur ma’ blokka ta’ appartamenti li skont deċiżjonijiet tal-Qorti kellha titwaqqa’ għax inkissru l-liġijiet.
Iżda minflok seħħ hekk fi żmien li Jason Azzopardi kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet l-binja inbigħet bi prezz imraħħas lil min bena fuq art pubblika u kiser il-liġi.
Fir-rapport tal-Awditur Ġenerali ntqal li “meta wieħed jikkunsidra li s-sit għadda għand Eighty Two Co. Ltd għal ħames mija ħamsa u għoxrin elf ewro (€525,000) kontra l-valutazzjoni ta’ żewġ miljuni u erba mitt elf ewro (€2,400,000) allura żgur ma kienx hemm valur għal flus.
L-Awditur Ġenerali kien ċar li d-Dipartiment tal-Artijiet ma ħarisx l-interessi tal-Gvern u ċertament m’assigurax li jkun hemm id-dħul li jirrappreżenta l-valur veru tas-sit.
L-Awditur Ġenerali qal li ma kienx ċar ħafna x’kien l-involviment tal-Ministru u uffiċjali oħra mill-Ministeru tiegħu għax kien hemm dokumentazzjoni nieqsa f’dan ir-rigward.
Li hu żgur, jgħid l-Awditur Ġenerali, li l-bejgħ ta’ din il-proprjetà kien ġudizzju ħażin.
Fuq kollox, jgħid l-Awditur f’rapport li għad irid ikun analizzat fid-dettall, ma kienx hemm il-livelli ta’ governanza tajba u trasparenza meħtieġa.
It-tieni rapport huwa dwar l-art tal-Fekruna fix-Xemxija li kif jikkonferma l-Awditur Ġenerali nnifsu dwarha sar kuntratt tliet ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Dan f’deal li l-valur tiegħu kien ilaħħaq ftit inqas minn ħames miljun ewro. Ftehim fejn il-gvern akkwista l-art tal-Fekruna lura u l-iżviluppatur li kellu din l-art ħa artijiet għall-iżvilupp fis-Swieqi u San Ġwann flimkien ma’ dejn maħfur li kellu mal-gvern.
L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali nnota kif ftehim b’dan il-valur miljunarju kien nieqes minn dettalji fil-file.
Fost oħrajn intqal kif ma nżamm ebda rekord tal-proċess li wassal għall-identifikazzjoni tal-artijiet għat-tpartit.
L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni kien nuqqas serju ħafna li wassal biex l-uffiċċju ma setax jiddetermina żviluppi importanti, u għalhekk ma setax jistabilixxi l-prinċipji ta’ governanza tajba, kontabbiltà u trasparenza.
Anke dwar in-nuqqas ta’ qbil fuq il-valur ma kienx hemm dokumentazzjoni u iktar minn hekk l-Awditur Ġenerali esprima dubji dwar il-proċess tal-arbitraġġ li nħatar f’dan il-każ.
Saħansitra l-Awditur jinnota kif rapport tal-IAID, id-dipartiment ta-Awditjar tal-Gvern, wera diskrepanza ta’ iktar minn miljun ewro kontra l-gvern.
Hawn ukoll l-Awditur Ġenerali jinnota li l-interess tal-gvern seta’ jien issalvagwardjat aħjar.
Wara dak dwar encroachments ta’ art pubblika, ix-xiri tal-bini tal-HSBC fil-Belt, l-art tal-Lowenbrau f’Ħal Qormi, dawn huma r-raba u l-ħames rapport li juru kif taħt Jason Azzopardi d-Dipartiment tal-Artijiet kien mifni abbużi u nuqqas ta’ governanza tajba.