Id-diskors u l-atteġġjament tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina reġgħu ġew ikkundannati mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, din id-darba f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta Parlamentari tat-Tlieta.
Fid-deċiżjoni li ta, l-Ispeaker qal li d-diskors ta’ Aquilna fejn infexx jgħajjar lis-Sedja u pprova jiskredita lill-Iskrivan tal-Kamra, Ray Scicluna, huma deplorabbli u ma jagħmlux ġieħ lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Qal, “Is-sedja rat dak kollu li qal l-Onorevoli Aquilina fejn ovvjament is-Sedja tat id-deċizjoni tagħha dak il-ħin li l-atteġġjament tad-diskors li ntqal minn Aquilina kien wieħed deplorevoli u ċertament ma jagħmilx ġieħ lilu stess li jinżel f’dak il-livell biex jattakka personali”.
Fis-seduta tat-Tnejn, Aquilina m’aċċettax id-deċiżjoni tas-Sedja b’rabta ma’ emenda, li ressqet l-Oppożizzjoni fuq mozzjoni ppreżentata minnha stess.
Minkejja r-ruling ċar, Aquilina għażel li, minflok, jattakka lill-Ispeaker għad-deċiżjoni tiegħu.
Fir-ruling, li ngħata llum fil-konfront tar-rappreżentant tal-establishment Nazzjoknalista, l-Ispeaker qal ukoll li l-attakk tiegħu fuq l-Iskrivan tal-Kamra, li ilu s-snin jagħmel xogħol impekkabbli fil-Parlament, u agħar minn hekk żeffnu fil-kwistjoni daqslikieku kien hu li kiteb ir-ruiling, mhuwiex xieraq.
Dr Farrugia qal li dan ma jagħmilx ġieħ lil min qalu u lil min jisimgħu.
Qal, “Agħar minn hekk, dak li jattakka l-persuna ta’ Clerk of the House, persuna integra li ilha numru ta’ snin fil-Parlament, legiżlatura waħda wara l-oħra li jagħmel ix-xogħol tiegħu b’mod impekkabli tant li ġie onorat miż-żewġ naħat tal-Kamra u, agħar minn hekk, iddaħħlu fil-kwistjoni qisu kiteb ir-ruling hu, u mhux is-Sedja, u li hu parti mill-preġidizzju għall-Oppożizzjoni kollha, xi ħaġa li ma tagħmilx ġieħ lill-istess Aquilina li qal dan id-diskors.”
L-Ispeaker ma laqax ukoll it-talba li għamel l-istess deputat biex jirrikuża ruħu fuq dan ir-ruling partikolari, u dan skont l-istanding orders fejn hi l-istess Sedja li tirregola l-Kamra tad-Deputati għal kull ħaġa li tagħmel waqt is-seduti.
Ir-ruling tal-lum intalab mis-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern, Andy Ellul, f’isem il-Grupp Parlamentari Laburista.
Wara r-ruling tal-lum, l-istess Whip Laburista wera s-solidarjetà mal-Ispeaker u l-Iskrivan tal-Kamra għall-kummenti li uża Aquilina.
Qal, “Din in-naħa tal-Kamra tixtieq turi solidarjetà miegħek u mal-Iskrivan tal-Kamra għall-kummenti xejn diċenti min-naħa tal-Oppożizzjoni u aħna perplessi, għax b’mod unanimu konna aħna li nnominajna lill-Iskrivan tal-Kamra għall-Premju Ħaddiem tas-Sena kif ukoll ġeddidnilu fil-House Business Committee darbtejn fuq xulxin il-kuntratt tax-xogħol tiegħu.”
Wara r-ruling tal-lum ukoll, id-Deputat tal-establishment baqa’ jipprova jieħu tiegħu xorta waħda, b’għajjat u interruzzjonijiet fil-Kamra tad-Deputati.