“Wasal iż-żmien li min qed imexxi ma jibqax jagħti kas iktar il-kritika bla bażi li qed issir, u jkompli jaħdem fuq it-toroq Maltin.”
Kien b’dan id-diskors li l-editur tal-ġurnal Malta Independent, beda l-editorjal tiegħu li kkritika d-diskors tal-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius, meta fil-Parlament pprova jitfa’ dell ikrah fuq is-Central Link Project – Proġett b’investiment ta’ 55 miljun ewro li għandu jindirizza l-problema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta.
Bi kliem iebes, l-editorjal jgħid li Agius pprova jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu, iżda falla bil-kbir. Dan għax fi kliem l-editur, minflok jgħin biex il-proġett isir, qed jippolitiċizza proġett bżonjuż għall-kostitwenti tal-istess deputat.
Isemmi għadd ta’ proġetti li kienu ppjanati minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, iżda li fi kliemu, minħabba t-telqa li kien hawn fil-pajjiż, baqgħu fuq l-ixkaffa.
L-editur jistaqsi kif jista’ jkun li min kien parti minn Gvern Nazzjonalista li falla fl-infrastruttura, jikkritika proġetti li qed isiru issa minflok bosta snin ilu.
Il-kritika tal-Independent issegwi dik tal-eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Ħ’Attard Herbet Messina Ferrante. Huwa qal li dan il-proġett se jkun ta’ nifs ġdid u li permezz tiegħu se jissolvew bosta problemi fosthom ta’ tniġġis tal-arja. Sostna li Agius qed jinsulenta lir-residenti billi b’mod qawwi qed jopponi proġett li għandu interess nazzjonali.