Illum huwa l-Jum Ewropew kontra l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal.
Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-allegati abbuzi sesswali fuq minuri fi skola li ghadħom taħt investigazzjoni tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi stqarrija kkundanna kull azzjoni vjolenti u abbużżiva kontra t-tfal.
Kellu kliem iebes ukoll kontra kull abbużż vjolenti u sesswali fuq it-tfal, jagħmlu min jagħmlu. “Ma ninsewx li l-adulti, u b’mod partikolari dawk li għandhom it-tfal fdati fir-responsabbiltà tagħhom, għandhom ikunu xempji ta’ valuri u mudelli ta’ mġiba li tirrispetta d-dinjità ta’ kull tifel u tifla”.
L-istqarrija tgħid ukoll li m’għandniex ninsew ukoll li t-tfal iridu jigu protetti mhux bisss mill-abbuż imma wkoll minn ġudizzji prematuri. Il-midja, kemm dik tradizzjonali u dik soċjali għandha d-dover li tkun sensittiva għal dak li jkunu għaddejjin minnu t-tfal.
Vjolenza sesswali fuq it-tfal, li tinkludi mġiba mhux korretta, issir minn min issir, qatt m’għandha tkun ittollerata. It-tfal minn kmieni għandhom jiġu mgħallma dwar dik l-imgiba li tista’ twassal għall-abbużż.
L-Uffiċċju xtaq jisħaq ukoll li min ikun jaf b’xi abbuż fuq xi tfal u ma jirraportahx ikun kompliċi f’ dan l-għemil vjolenti. Dan hu importanti fid-dawl tal-fatt li ħafna mill-abbużi jsiru minn persuna fi ħdan jew qrib il-familja. Ħafna drabi dan iwassal biex persuni oħra li jkun jafu bl-abbuż ikollhom dilemma jekk għandhomx jirraportaw jew le. Huwa importanti li jindunaw li l-ġid u l-interess tat-tfal jiġi dejjem qabel kull interess ieħor.
F’dawn il-ġranet l-Uffċċju qassam lit-tfal kollha li qeghdin fit-tieni sena tal-kindergarten kopja ta’ KIKO U L-ID, pubblikazzjoni għat-tfal imħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa. Dan il-ktejjeb, b’fuljett għall-ġenituri, għandu jgħin lill-ġenituri sabiex jgħallmu lil uliedhom jaħhrfu x’inhu permissibbli u x’mhuwiex.