Rapport tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-proċess, mid-disinn sal-għeluq tal-proġett tal-Isptar Mater Dei wera nuqqas sinjifikanti ta’ dokumentazzjoni fl-istadji kollha tal-proġett.
Ir-rapport li t-Tlieta filgħaxija tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti jitfa’ dawl fuq nuqqasijiet skandalużi li seħħew b’rabta mal-bini tal-Isptar Mater Dei taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Filfatt ir-rapport maħruġ mill-uffiċċju nazzjonali tal-verifika jgħid li l-proġett kien stmat li se jiswa tlieta u tmenin miljun lira Maltin, li llum jiġu ftit aktar minn mija u disgħin miljun ewro.
L-Awditur Ġenerali jistma li l-ispiża tal-proġett telgħet għal ftit aktar min-nofs biljun ewro.
Ir-rapport jgħid li minħabba limitazzjonijiet fosthom in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni bażika li suppost inżammet mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, dik li l-Gvern Nazzjonalista fdalha l-proġett ta’ Mater Dei f’idejha, l-ispiża ta’ nofs biljun ewro hija l-aħjar stima bbażata fuq informazzjoni li rnexxielu jikseb.
L-Awditur Ġenerali jisħaq li n-nuqqas ta’ informazzjoni li ngħatalu biex jinvestiga dwar il-governanza, it-trasparenza u l-amministrazzjoni finanzjarja tal-proġett juri biċ-ċar il-falliment istituzzjonali u negliġenza serja fl-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien meta kellha f’idejha l-fondi pubbliċi.
Ir-rapport jinnota wkoll li bejn is-sena elfejn u s-sena elfejn u tlieta kien hemm tħassib dwar l-eskalazzjoni materjali fl-ispiża tal-proġett tal-isptar.
Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien rrikorra għal ftehim biex suppost jillimita spejjeż oħrajn u skont dan il-ftehim, l-ispiża ma kellhiex titla’ iżjed minn mija u wieħed u għoxrin miljun lira Maltin, li llum jiġu ekwivalenti għal kważi mitejn u tnejn u tmenin miljun ewro.
L-Awditur Ġenerali jgħid li dan is-suppost ftehim ma nżammx għaliex fi Frar elfejn u disgħa, il-Gvern Nazzjonalista kien reġa’ ħallas ftit aktar minn ħames miljun ewro oħra, VAT eskluża.
Ir-rapport jinnota wkoll li ma’ din is-somma li tħallset, il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi ta rinunzja assoluta tad-drittijiet, liema dispożizzjoni esponiet lill-Gvern għal riskji kbar fosthom li kemm il-darba jirriżulta li hemm xi difetti fuq ix-xogħol, il-mezz ta’ rikors legali kien se jagħmilha aktar diffiċli għal Gvern biex ifittex lil Skanska, li kienet il-kumpanija fdata bil-bini tal-isptar.
L-Awditur Ġenerali saħaq ukoll li l-uffiċju tiegħu lanqas ma ġie pprovdut b’dokumnetazzjoni dwar meta l-Gvern Nazzjonalista tal-elf disa’ mija tmienja u disgħin ħatar il-konsorzju ta’ Skanska biex jaħdem fil-kostruzzjoni tal-isptar.
Fil-fehma tal-Awditur Ġenerali, din is-sensiela ta’ bidliet diżorganizzati ta’ min kien qed jaħdem fuq il-proġett tal-isptar, li ħa sbatax-il sena biex jitlesta, rriflettiet ħażin fuq l-ippjanar u l-kontroll tal-proġett.