L-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi ħeġġet lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, biex tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha u tikkundanna kull forma ta’ intolleranza u vjolenza kontra l-Kristjani fil-Lvant Nofsani.
Ma nistax nifhem kif fid-dinja tal-lum, id-drittijiet tal-bniedem qegħdin jinkisru minħabba r-reliġjon u t-twemmin. Dan imur kontra l-valuri li nħaddnu fl-Unjoni Ewropea. Irridu niddefendu l-pluraliżmu reliġjuż, inkunu tolleranti u nifhmu lil xulxin,” qalet Marlene Mizzi waqt l-intervent tagħha fi Strasburgu.
Din il-ġimgħa l-Membri Parlamentari Ewropej fi Strasburgu ddiskutew is-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-Lvant Nofsani mal-Kap tal-Politika Barranija tal-UE, Federica Mogherini. Id-dibattitu sar b’reazzjoni għall-attakki-bomba li saru riċentament fuq żewġ knejjes Koptiċi waqt is-servizzi ta’ Ħadd il-Palm fl-Eġittu li qatlu mill-inqas 44 persuna u ndarbu aktar minn 100 persuna oħra, skont kif ġie rrapportat.
L-MPE Mizzi qalet: “Ninsab imħassba bid-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-Lvant Nofsani. Il-komunitajiet Kristjani li ilhom stabbiliti fil-Lvant Nofsani qegħdin jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar li qed tirriżulta fi spostament sinifikanti ta’ persuni f’xi pajjiżi jew tnaqqis ta’ Kristjani fir-reġjun kollu.”
“L-isplużjonijiet riċenti li saru f’Ħadd fl-Eġittu kienu biss wieħed minn ħafna attakki kontra l-Kristjani tar-reġjun u żgur li mhux attakk iżolat. L-għan ta’ dawn l-attakki huwa li tiżdied it-tensjoni bejn ir-reliġjonijiet, tiżdied il-mibgħeda u l-komunitajiet jeħduha kontra xulxin,” qalet Marlene Mizzi.
Fid-diskors tagħha Mizzi qalet li l-Kristjani ilhom jiġu attakkati għal għexieren ta’ snin minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom, u huwa l-waqt li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjonijiet konkreti biex tippromwovi l-libertà reliġjuża, kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. Hija talbet ukoll biex l-Istati Membri jindirizzaw b’urġenza s-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-Lvant Nofsani fil-Kunsill tal-Affarijiet li jmiss.