B’referenza għal rapporti fil-midja dwar allegata aggressjoni minn studenti kontra għalliema fl-Iskola Medja tan-Naxxar, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni kkundanna kull forma ta’ mġiba intollerabbli, inkluża mġiba ta’ abbuż fiżiku.
Il-Ministeru qal li, f’każijiet bħal dawn u skont il-proċedura stabbilita, it-tmexxija tal-iskola tieħu azzjoni immedjata u l-passi immedjati li jkun hemm bżonn, biex tittratta dawn is-sitwazzjonijiet.
Dawn jinkludu l-involviment dirett tal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola fit-teħid ta’ miżuri dixxiplinarji, kif ukoll kuntatt ma’ dipartimenti oħra fosthom is-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal, bl-involviment tat-Tim Psikosoċjali tal-Kulleġġ, l-ischool counsellor, u l-guidance teachers.
F’dan il-proċess jiddaħħlu l-ġenituri jew il-kustodji tal-istudenti li jkunu involuti. L-iskola tieħu ukoll azzjoni immedjata, u studenti b’imġieba ta’ sfida jingħataw kors dwar l-immaniġġjar tar-rabja, l-awtodixxiplina u ħiliet oħra.
Il-Ministeru qal li, b’rabta ma’ dan il-każ, it-Tmexxija tal-Iskola baqgħet tissorvelja kontinwament is-sitwazzjoni.
Qal ukoll li fil-każ kienu involuti l-istudenti bejniethom, u li m’għandu l-ebda rapport li għalliema li ħadu azzjoni biex iferrqu l-istudenti involuti ġarrbu ġrieħi waqt dan l-inċident.
Il-Pulizija ma kinitx involuta f’dan il-każ.
Min-naħa tagħha, il-Malta Union of Teachers, l-MUT, qalet li qed issegwi rapporti tal-każ u li tinsab f’kuntatt mal-edukaturi, mat-tmexxija tal-iskola, u mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
L-unjin qalet fi stqarrija li, filwaqt li hija infurmata li ttieħdu passi minnufih biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata, u din l-azzjoni kienet tinkludi s-sapport u azzjoni dixxiplinarja, talbet lill-Ministeru biex joffri sostenn lill-iskola u lill-edukaturi l-oħrajn kollha fl-iskejjel biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-imġiba ħażina u aggressiva min-naħa tal-istudenti.