Il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann esprimiet ir-rabja tagħha kontra rapporti foloz mill-portal tal-establishment Nazzjonalista, ix-Shift News, dwar il-gidba ta’ xi ħsarat li setgħu saru f’dan il-ġojjell nazzjonali.
Dan anke wara li investigazzjoni mill-uffiċċju tal-Ombudsman sabet li ma kien hemm xejn minn dak irrapportat mix-Shift kapriċċjożament fl-iskop li ttellef fondi Ewropej fi proġett li għaddej.
L-Ombudsman kien indika fil-konklużjoni tiegħu fuq rapport tax-Shift fit-18 ta’ Jannar li għadda li dan kien kompletament falz meta allega li kienet sfrondat xi parti minn kripta antika.
Fi stqarrija llum, il-fondazzjoni qalet li, minkejja r-riżultat tal-investigazzjoni ċara, hu diżappuntanti li x-Shift la rtirat l-allegazzjonijiet foloz tagħha u lanqas offriet apoloġija.
Anzi, aktar minn hekk, f’tentattiv biex twaqqa’ d-dikjarazzjoni inekwivoka tal-Ombudsman, kompliet tivvinta b’interpretazzjoni ħażina tad-dikjarazzjoni tal-metodu approvata mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, li tispeċifika kif it-torba ġiet ikkonsolidata taħt żoni speċifiċi.
Il-fondazzjoni appellat lix-Shift News biex tieqaf mill-kampanja ta’ ħsara u allarmiżmu, immexxija minn aġenda personali.