Il-Partit Soċjalist Ewropew ikkundanna lill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ reazzjoni minn naħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, dwar kummenti li ntqalu minn kandidat tal-PN, Salvu Mallia, fejn iddeskriva lil Adolf Hitler bħala mexxej “vera progressiv”.
Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej qalu li huma jinsabu xxukjati mhux biss dwar il-kumment mhux xierqa, izda dwar il-fatt li l-Kap tal-PN naqas milli jaffaċċja din il-kwistjoni mill-ewwel.
Il-President tal-PSE, Segei Stanishev, qal “Jekk Busuttil m’għandux il-kuraġġ biex jieqaf ma’ wieħed mill-kandidati tiegħu li jidher biċ-ċar li qabeż kull limitu, mela ċertament m’għandux il-karatteristiċi neċessarji biex imexxi l-Oppożizzjoni f’Malta, aħseb u ara kemm joħroġ għall-elezzjoni biex jiggverna.”
Kompla billi wissa lil Busuttil biex jiddisassoċja ruħu minn mal-kummenti li ntqalu minn wieħed mill-kandidati tal-PN u biex joħroġ numru ta’ miżuri biex jirranġa din is-sitwazzjoni.
“Huwa wkoll mhux sew li kandidat politiku minn kwalinkwe partit jaħseb li hu xieraq li jinvoka dittatur tal-ġeniċidu f’tentattiv li jikkritika mexxej elett progressive bħall-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat,” temm jgħid Stanishev.