L-Infrastructure Malta qed tagħmel użu minn kunċetti innovattivi fit-trejqiet rurali sabiex tissebbaħ l-estetika tal-pajsaġġ u l-ispazji ħodor madwar il-gżejjer Maltin.
Fost il-proġetti, li diġà twettqu hemm it-tpoġġija ta’ pavimentar b’ċangatura irregolari u lqugħ magħmul mill-injam mal-ġnub tat-toroq.
Il-pavimentar irregolari diġà ntuża f’postijiet bħall-Wied ta’ Bakja, f’Ħaż-Żebbuġ, fejn wieħed jista’ jmur jimxi jew bir-rota mingħajr periklu ta’ karozzi. F’pajjiż b’densità ta’ popolazzjoni għolja, spazji miftuħa bħal dawn itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jmorru jgawdu n-natura, filwaqt li jgħinu biex tiġi kkonservata l-biodiversità.
Min-naħa l-oħra, mal-ġnub ta’ Triq is-Santi, l-Imġarr, l-ilqugħ sar tal-injam biex mhux biss jissalvagwardja lis-sewwieqa iżda ma jistonax man-natura tal-madwar. Dan sar bi spiża ta’ madwar €100,000.
Dawn il-kunċetti ġodda qed itemmu s-sistemi li konna mdorrijin bihom ta’ użu ta’ konkos u asfalt sabiex ikun hemm bilanċ aħjar bejn uċuħ tajbin għat-trejqat u l-estetika tal-post.