Il-famużi Kunċett u Marinton se jirritornaw fuq il-palk fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Il-praspar ta’ dawn iż-żewġ nisa inkitbu minn Trevor Żahra meta kellu biss 15-il sena. Bdew bħala stejjer fir-rivista is-Sagħtar, imbagħad inġabru fi ktejjeb. Żahra iżda, kompla iżid il-kapitli fis-snin ta’ wara u llum wieħed għadu jista’ jixtri dan il-ktieb li jiġbor fih 24 praspura. Issa, ‘Il-Praspar ta’ Kunċett u Marinton’ se joħorġu mill-qxur tal-ktieb u jidħlu f’teatru taħt id-direzzjoni ta’ Dominic Said.
‘Il-Praspar ta’ Kunċett u Marinton’ huma ambjentati f’raħal Malti wara l-ewwel gwerra, f’dak iż-żmien imbiegħed meta fid-djar la kien għadu daħal l-elettriku u lanqas l-ilma tal-vit, meta kollox kien idur madwar il-knisja u l-każini, meta t-toroq kienu mimlija bil-logħob tat-tfal, bil-karettuni tal-bejjiegħa u bil-merħliet tal-mogħoż, u bil-praspar ta’ xi Kunċett jew xi Marinton.
Għal uħud dawn huma nostalġija lejn il-ktieb li attira ġenerazzjonijiet wara oħrajn tul l-40 sena li ilu stampat.
Iżda l-ġenerazzjoni tat-tfal tal-lum jifmuh? “It-tfal li jaqrawhom illum ikollhom bżonn ftit tal-preparazzjoni. Hemm referenzi folkloristiċi li jeħtieġu spjegazzjoni. Hemm vokabularju f’ħalq il-karattri, li llum m’għadux jintuża. Għalhekk jiena nemmen li dawn l-istejjer jistgħu jservu bħala l-punt tat-tluq biex mat-tfal issir ftit riċerka dwar Malta tal-imgħoddi,” saħaq l-awtur Trevor Żahra.
‘Il-Praspar ta’ Kunċett u Marinton ser jittellgħu il-Ġimgħa 26, is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 t’Ottubru u s-Sibt u l-Ħadd 3 u 4 ta’ Novembru fit-Teatru tal-Malta Drama Centre li jinsab fl-iskola Marija Reġina, l-Blata l-Bajda. Il-biljetti jinsabu onlajn fuq is-sit: www.ticketline.com.mt. Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 79096060 jew inkella isibuna fuq facebook ‘4 Teenth Productions.’