F’sit fil-Fgura, l-Awtorita’ tad-Djar se tiżviluppa mija u tmintax-il appartament.
Dawn se jinkrew bi prezzijiet ridotti lil nies li, għalkemm ma jikkwalifikawx għall-housing soċjali, qed ibatu biex iħallsu l-kirjiet bil-prezzijiet tas-suq.
Huma se jingħataw kuntratt ta’ kera għal ħames snin.
Meta jgħalaq il-kuntratt, issir evalwazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-inkwilini.
Jekk il-qagħda finanzjarja tagħhom tkun tjiebet, jitwaqqaf il-kuntratt tal-kirja biex ikunu jistgħu isiru sidien ta’ djarhom.
Is-segretarju parlamentari Roderick Galdes spjega kif il-kirja se tkun ta tliet mitt ewro għal appartament b’kamra tas-sodda waħda, erba’ mija għal appartament b’żewġ kmamar tas-sodda u ħames mitt ewro għal appartament bi tliet kmamar tas-sodda.
Il-kirja se tiffinanzja l-bini tal-appartamenti u wara li jinqata’ s-self, titħallas il-manutenzjoni.
“Filwaqt li jħallu lis-settur privat jaħdem u anke nħallu lil Gvern jipprovdi anke Housin Soċjali, introduċejna dan it-tielet settur, li huwa l-intervent tal-Gvern anke flimkien mas-suq privat biex nipprovdu wkoll numru ta’ appartamenti b’kirjiet affordabbli.”
Il-kap eżekuttiv tal-Awtorita’ tad-Djar, Leonid McKay stqarr kif dan il-proġett imur paripassu mal-għan tal-Awtorita’ hekk kif jiffoka mhux biss fuq Housing Soċjali iżda wkoll fuq Housing affordabbli f’pajjiżna.
“Il-ħsieb warajha huwa li nifhmu li l-istat m’għandux biss irwol illi bħal ma jaħsbu ħafna illi jkun ridott biss għal social housing imma jipprovdi wkoll akkomodazzjoni affordabbli u propju dalgħodu dak li ġie imħabbar hawnhekk.”
Il-proġett se jkun qed jiswa’ għaxar miljun ewro, bil-proċess għal dan l-investiment ilu li beda minn Marzu tal-2018 meta saru laqgħat ma’ bosta banek lokali li tawh appoġġ kbir.