F’għeluq it-tliet mitt sena minn meta l-Gran Mastru Antonio Manoel De Vilhena approva l-bini tal-belt tal-Furjana, ġie mfassal programm ta’ attivitajiet għal din is-sena, bl-ewwel waħda tkun kunċert fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju.
Dan il-kunċert, li se jsir fit-tlettax ta’ Jannar mis-St Paul Metropolitan Orchestra, se jkun qed jara 45 element differenti ta’ mużika sagra.
F’konferenza tal-aħbarijiet ingħad li l-għan ewlieni ta’ dan il-kunċert hu li jinġabru fondi biex ikompli jiġi rrestawrat l-ark trijonfali tal-Furjana, li kien inħaraq f’vandaliżmu fl-2019.
ONE News tkellem mas-Surmast Mark Agius, li se jkun qed imexxi dan il-kunċert, fejn spjega min se jkunu l-kantanti u l-protoganisti għal dan l-ewwel kunċert uffiċjali tas-sena. Irrimarka li l-prezz tad-dħul hu ta’ għaxar ewro għal din il-kawża ġusta.
Qal, “Bis-sehem tas-St Paul Metropolitan Orchestra, li għal dan il-kunċert se tkun magħmula minn 45 element, bis-sehem tas-solisti Karen Darmenia u Astrid Cacciatore, il-kontrant May Caruana, it-tenuri Andrei Daranyi u Joseph Aquilina u l-baritoni Ivan Vella u James Agius. Huwa kunċert ta’ mużika sagra però r-repertorju hu wieħed li jappella għall-pubbliku inġenerali u għalhekk aħna nħeġġu li dak li jkun jattendi.”
L-ark trijonfali, maħdum fuq disinn ta’ Giorgio Cassar, kien intrama’ għall-ewwel darba fl-1899 u fil-ġranet tal-festa tal-patrun tal-Furjaniżi kien jiddomina l-kantuniera ta’ Triq San Tumas ma’ Triq San Publiju.
L-ark kien baqa’ jintrama sat-Tieni Gwerra Dinjija u reġa’ beda jintrama għoxrin sena ilu sakemm f’April tal-2019 nħakem minn nirien kbar u nqered għalkollox.
Il-Gvern kien strumentali fir-restawr ta’ dan l-ark fejn, fost oħrajn, ta donazzjoni ta’ ħamsin elf ewro mill-Fond tal-Kawżi Ġusti.
L-Arċipriet tal-parroċċa tal-Furjana tenna kemm dan l-ark hu wirt kulturali bi storja rikka u kemm hu għal qalb il-Furjaniżi. Issa b’dan l-aħħar pass se jkun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-ġdid.
Qal, “Għal-lokalità tal-Furjana, l-ark trijonfali hu ġawhra mhux biss għall-Furjana, imma nistgħu ngħidu hekk għal pajjiżna, għax hu uniku u sibna pjanti antiki li jmorru lura għas-Seklu 18 u dan għandu valur storiku wkoll li sfortunatament tlifnih fl-2019. Għandi l-qalb li żgur ħa naslu biex mhux din is-sena, sfortunatament, għax ma stajniex inlestu kollox, imma s-sena ta’ wara jkollna x-xorti li nawguraw dan l-ark il-ġdid.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, li qal li dan hu wirt storiku li għandu jiġi apprezzat hekk kif l-istorja tiegħu tmur lura għal bosta snin.