Il-Chorus Urbanus Productions ħabbru kunċert ieħor fis-sensiela ‘Feel the Magic’: ‘Feel the Magic of Orchestral Progressive Rock’ fit-Teatru Astra, fir-Rabat, Għawdex.
Bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tas-Surmast John Galea, dan l-avveniment b’mużika klassika fuq stil innovattiv ta’ Rock Progressiv se jittella’ nhar it-18 ta’ Mejju.
Fl-istess okkażjoni se ssir il-preżentazzjoni ta’ kompożizzjoni ġdida ta’ Edward Mifsud, bl-isem ta’ ‘Raġġ’, ispirata mill-istil Rock Progressiv, li oriġina fil-bidu tas-sebgħinijiet, b’lirika misluta minn poeżiji Maltin mill-istess era, b’mod speċifiku, xogħlijiet ta’ Oliver Friggieri, Marjanu Vella, Ġorġ Peresso, Achille Mizzi, Joe Friggieri u Ġorġ Borg.
Il-programm se jinkludi wkoll siltiet minn gruppi prominenti fl-istil Rock Progressiv bħal Emerson, Lake & Palmer (ELP), Yes, King Crimson u Genesis.
Aktar tagħrif u biljetti huma disponibbli onlajn fuq is-sit uffiċjali tat-Teatru Astra (teatruastra.org.mt).