Il-kunċert li Chris Brown se jkun qed jagħti fl-Afrika t’Isfel f’Diċembru reġa’ ġibed l-attenzjoni fuq il-livelli xokkanti ta’ vjolenza kontra n-nisa fil-pajjiż hekk kif qed jingħad li l-passat tal-kantant bi storja ta’ abbuż qed jibgħat messaġġ ħażin f’dan ir-rigward.
F’anqas minn sagħtejn kienu inbiegħu l-biljetti kollha għal dan il-kunċert li se jsir fl-FNB Stadium Johannesburg li huwa l-akbar stadium fl-Afrika u jesa’ aktar minn 94,000 ruħ. Filfatt id-domanda tant kienet kbira li kellha tiżdied data oħra, iżda għalkemm l-interess kien wieħed massiv, l-istilla tal-R ‘n’ B esperjenza reazzjoni negattiva minn nies li ma jriduhx jesebixxi ruħu minħabba l-passat vjolenti tiegħu.
Fost ir-reazzjonijiet kien hemm dawk ta’ Sabina Walter, direttur eżekkuttiv ta’ Women for Change, organizzazzjoni li timmilita favur id-drittijiet tan-nisa u tfal fl-Afrika t’Isfel. Filfatt dan il-grupp qed jiġbor petizzjoni sabiex jimpedixxi lil dan l-artist Amerikan milli jagħmel dan il-kunċert. S’issa diġa nġabru 20,000 firma.
L-Afrika t’Isfel għandha wieħed mill-akbar rati ta’ femiċidju u vjolenza sessista fid-dinja. Bejn wieħed u ieħor jiġi rrappurtat stupru kull tnax-il minuta barra oħrajn li ma jkunux dokumentati.
Walters saħħqet li meta xi ħadd bħal Chris Brown jingħata pjattaforma f’pajjiż fejn il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tinsab f’livelli ta’ kriżi, ikun qed jintbgħat messaġġ ħażin – dak li l-fama u l-poter jegħlbu r-responsabbilità.
L-aktar każ rinomat fl-istorja ta’ abbuż ta’ Chris Brown kien dak mal-kantanta Rihanna fl-2009. Brown li dak iż-żmien kellu dsatax-il sena kien ammetta l-ħtija u kien ikkundannat ħames snin probation fejn kellu jiskonta wkoll servizz fil-komunità u jieħu terapija kontra l-vjolenza domestika. Brown kien ukoll akkużat bi vjolenza kemm minn nisa kif ukoll irġiel oħra.
Skont il-liġi tal-Afrika t’Isfel, persuni li fil-passat kienu ħatja ta’ reat jistgħu ma jingħatawx viża tad-dħul fil-pajjiż, iżda tista’ ssir eċċezzjoni mid-direttur ġenerali tad-Dipartiment tal-Affarijiet Interni jekk ikun hemm kawża ġusta.
Fil-passat Chris Brown kien miżmum milli jidħol fir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada u New Zealand għalkemm sussegwentement huwa mar għamel kunċerti fir-Renju Unit u postijiet oħra fl-Ewropa.
Iżda s-segwaċi ta’ Chris Brown fl-Afrika t’Isfel qed isostnu li billi jattendu l-kunċert ma jfissirx li jkunu qed jappoġġjaw l-azzjonijiet ħżiena li għamel fil-passat.
F’messaġġ fuq X, l-ex il-viċi kanċillier tal-Università ta’ Cape Town, il-Professur Mamokgethi Phakeng qalet li hi se tkun qed tattendi l-kunċert ta’ Chris Brown fejn iddikjarat li għalkemm hija totalment kontra l-vjolenza abbażi l-ġeneru u li temmen li dawk li jwettqu dan ir-reat għandhom jiġu ikkundannati mingħajr eċċezzjoni jew ħniena, dan m’għandu x’jaqsam xejn ma li wieħed jiddeverti waqt kunċert. Hija spjegat kif il-mużika hija akbar minn kwalunkwe individwu u li bojkott fuq il-kunċert ta’ Chris Brown mhux se jkun ifisser it-tmiem tal-vjolenza abbażi l-ġeneru fl-Afrika t’Isfel.