Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għal kunċert mużikali ġewwa San Vinċenz De Paul għall-anzjani residenti u l-familjari tagħhom. Il-kunċert ġie organizzat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati sabiex jiġi ċċelebrat il-50 sena anniversarju tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis tkellem dwar kemm hu sabiħ li napprezzaw il-ġenerazzjoni li rabbietna u rawmet fina valuri sbieħ. Huwa sostna wkoll li huwa importanti li r-residenti ġewwa d-djar tal-anzjani jkollhom bosta attivitajiet ta’ divertiment u saħaq li l-mużika kapaċi toffri lill-anzjani emozzjonijiet differenti, tfakkarhom f’esperjenzi u f’memorji varji, u sservi ta’ divertiment.
Għal dan il-kunċert ipparteċipaw madwar 15-il mużiċist/a li jagħmlu parti mis-sezzjoni strumenti tar-ram tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, kif ukoll il-kantant Daniel Cauchi.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis irringrazzja lill-Bank Ċentrali ta’ Malta talli organizza dan il-kunċert kif ukoll lill-mużiċisti u lill-kantant tal-ispettaklu li offrew lill-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul.